Il-Kummissjoni Ewropea proponiet sensiela ta’ riformi għar-regoli ta’ asil li fost l-oħrajn jinkludu multi kbar fuq dawk il-pajjiżi li jirrifjutaw li jaċċettaw il-kwota allokata lilhom ta’ immigranti.
Pass immirat l-aktar lejn il-pajjiżi membri mil-Lvant tal-Ewropa li fil-passat irrifjutaw li jaċċettaw il-kwota allokkata mill-UE ta’ immigranti.
Skont il-proposti tal-Kummissjoni, it-tir hu li jkun hemm multa ta’ 250,000 ewro għal kull persuna li tiġi rifjutata.
Biex dawn jidħlu fis-seħħ hemm bżonn l-appoġġ kemm tal-pajjiżi membri kif ukoll tal-Parlament Ewropew.
Ir-regola bażika tal-Ftehim ta’ Dublin, li jirekjedi li l-immigranti jitolbu kenn fl-ewwel pajjiż li fih jidħlu se jiqba’ hemm. Imma saru proposti għal għajnuna lil dawk il-pajjiżi li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ ammont kbir ta’ nies li jkunu qed jaqsmu l-konfini tagħhom.
L-UE diġa għandha skema biex jitqassmu 160,000 immigrant madwar il-pajjiżi membri imma s’issa ammont żgħir ħafna tqassmu. Dan minħabba reżistenza l-aktar mill-pajjiżi tal-Lvant bħas-Slovakkja, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Ungerija.
Il-Kummissjoni tat wkoll il-kunsens għal vjaġġar bla visa ta’ Torok fl-UE, dan iżda jekk it-Turkija żżomm mal-kriterji tal-ftehim li sar f’Marzu għalkemm xi wħud minnhom issa ttaffew.
Multi għall-pajjiżi li jirrifjutaw l-immigranti
