Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu qed jirrappreżenta l-maġġoranza tan-nies meta kien mistoqsi għaliex għadu ma neħħiex lil Konrad Mizzi minn Ministru wara l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Joseph Muscat kien mistoqsi minn NETnews.com.mt jgħid għaliex għadu qed jippersisti li jżomm lil Konrad Mizzi bħala Ministru minkejja l-għajta waħda tal-pubbliku, bil-Prim Ministru jgħid li hu m’huwiex kelliem għan-nies, iżda jirrappreżenta lill-maġġoranza tal-poplu Malti li eleġġieh fl-elezzjoni li għaddiet.
“Jien li nista’ ngħid hu li d-deċiżjoni ħadtha, żgur li dan hu Gvern bla preċedent li jieħu d-deċiżjonijiet u jaġixxi” ftaħar il-Prim Ministru f’kummenti lill-media fi tmiem id-dibattitu Parlamentari dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja. Iżda NETnews.com.mt kontinwament staqsa x’deċiżjoni ħa Muscat jekk żamm lil Konrad Mizzi bħala Ministru. Għal din il-mistoqsija, bqajna mingħajr tweġiba.
Wara madwar 8 ġimgħat ta’ stennija għal xi tip ta’ azzjoni, nhar il-Ħamis li għadda, Joseph Muscat ħabbar dettalji dwar re-shuffle, li fiha ta promozzjoni lil Konrad Mizzi, bħala Ministru bla portafoll fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, u bir-responsabbiltà tal-proġett tal-bini tal-powerstation il-ġdida u l-qalba għall-gass.
Intant, fil-kummenti tiegħu mal-media, il-Prim Ministru qal li sa’ tmiem din is-sena se jkun qed jippubblika l-kuntratti maġġuri li l-Gvern daħal fihom.
//= $special ?>