Ambjent Lokali

Nature Trust toġġezzjona għall-iżvilupp propost f’Wied Għomor

Nature Trust Malta ingħaqdet f’appell lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jitwaqqaf l-iżvilupp propost f’Wied Ghomor, il-ftit art li fadal bħala pulmun fiċ-ċentru ta’ Malta.

Fi stqarrija, Nature Trust qalet li l-wied kien skedat mill-MEPA bħala żona ta’ importanza ekoloġika u importanza xjentifika. L-għaqda żiedet li filwaqt li m’għandiex oġġezzjoni għal xogħol ta’ modifikazzjoni fuq barriera li hemm fil-post, qed toġġezzjona għall-iżvilupp li hemm propost u li jista’ joħloq preċedent għal aktar żvilupp f’dak li qed ikun deskritt bħala pulmun fiċ-ċentru ta’ żona mill-aktar popolata.

Fl-aħħar jiem, il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi, ta’ San Ġwann u ta’ San Ġiljan ingħaqdu fl-appell biex jitwaqqaf l-iżvilupp propost f’dan il-wied, fejn wieħed faċli jinnota li l-bini qed jifga din l-art ODZ.

Il-proġett propost biex jinbena f’Wied Għomor hu kumpless residenzjali għall-anzjani, li jinkludi 133 kamra fuq ammont ta’ sulari, li tnejn minnhom huma fuq l-art. Il-proposta hi li dan kollu jinbena f’barriera abbandunata.

Intant, fl-aħħar jiem, ix-Shadow Minister Marthese Portelli appellat lill-Prim Ministru biex mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jagħti struzzjonijiet lill-membri tal-Gvern fuq l-Awtorità tal-Ippjanar biex jivvutaw favur aktar spazju miftuħ u kontra l-bini u l-iżvilupp propost f’Wied Għomor.