Is-Serb li lbieraħ waranofsinhar instab mejjet fir-residenza tiegħu f’Tas-Sliema hu Tabib ta’ 45 sena li kien ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem bħala Anestesista fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fil-ġimgħat li għaddew, hu beda jiffaċċja akkużi li mill-Isptar Ġenerali seraq mediċina li tingħata lin-nisa li jkunu qed iwelldu biex ittaffilhom l-uġigħ. Il-Qorti kienet ħelset lis-Serb fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Jirriżulta li qabel tressaq il-Qorti b’dawn l-akkużi, ir-raġel kien fetaħ Rikors quddiem il-Qorti biex ikun jista’ jsiefer u fost l-oħrajn jiltaqa’ ma’ bintu lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fir-Rikors, hu kien irrimarka li l-ivvjaġġar kien ilu bbukjat qabel ma beda l-każ.
Wara li ngħata l-ħelsien bil-kundizzjonijiet, is-Serb talab lill-Qorti li jkun rilaxxat il-Passaport tiegħu u li jingħata l-permessi meħtieġa biex isiefer.
Madankollu, ilbieraħ waranofsinhar hu nstab mejjet fir-residenza tiegħu fi Triq in-Nazzarenu f’Tas-Sliema. Kienu kollegi tiegħu li rrappurtaw in-nuqqas tiegħu wara li ma daħalx għax-xogħol. Kif waslu fil-post, il-Pulizija kellhom jiżgassaw il-bieb qabel ma sabu lis-Serb bla ħajja.
//= $special ?>

