L-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) wissiet li l-ISIS beda jipproduċi l-armi kimiċi u wissiet lill-pajjiżi tal-Punent biex joqogħdu b’seba’ għajnejn.
L-investigaturi mill-OPCW qalu li kienu sabu provi tal-użu ta’ dawn l-armi mill-ISIS kemm fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja.
Ahmet Uzumcu, il-kap tal-OPCW, qal li l-indikazzjonijiet huma li dawn l-armi nħadmu mill-ISIS stess u dan kien fattur inkwetanti ħafna għaliex juri li dawn għandhom it-teknoloġija kif ukoll l-aċċess għall-materjal biex jibnu dawn l-armi tal-qerda tal-massa.
Hu mifhum li l-ISIS ħoloq taqsima speċjali għar-riċerka fuq l-armi kimiċi. Jaħdmu f’din it-taqsima hemm xjentisti Iraqin li kienu jaħdmu fuq il-programmi għall-armi tal-qerda tal-massa fi żmien Saddam Hussein. Dan apparti xi esperti barranin ukoll.
Aktar kmieni din is-sena, truppi speċjali Amerikani qabdu l-kap tat-taqsima li qed tipprova tiżviluppa l-armi kimiċi waqt rejd fit-Tramuntana tal-Iraq.
Twissija li l-ISIS qed jipproduċi l-armi kimiċi
