Qorti

Xahar ilu mar jimxi għarwien u llum ammetta li hedded li joqtol lil ommu

Wara li xahar ilu nqabad għarwien fil-Qawra, illum l-istess żagħżugħ ta’ 21 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li hedded lil ommu u lis-sieħeb tagħha waqt argument meta kien fis-sakra.

Fil-Qorti l-omm xehdet li binha ilu Malta għal din l-aħħar sena u għal dawn l-aħħar 5 xhur kien qed jgħix magħha fl-appartament tagħha f’San Pawl il-Baħar.
Hija qalet lill-Qorti li binha ma kienx ikollu kontrol fuqu nnifsu kull darba li kien ikun taħt l-influenza tax-xorb. Ommu qalet li flimkien mas-sieħeb tagħha ilhom iħeġġu lit-tifel biex jerġa’ jaqbad it-tirq it-tajba u jsib xogħol. Iżda lbieraħ qam argument u filwaqt li bdew jipprovaw jirraġunaw miegħu, hu hedded li joqtol lil ommu u lis-sieħeb tagħha b’sikkina u beżqilhom waqt li kien fis-sakra.

Maurica Curmi, l-uffiċjal tal-Prosekuzzjoni qal li l-akkużat ġiet arrestat ix-xahar li għadda meta kien miexi għarwien fil-Qawra. Huwa kien iddaħħal l-Isptar Moonte Carmeli għall-kura iżda preżentament mhu qed jirċievi ebda trattament jew kura.

Il-Maġistrat Galea kkundannatu għal tliet xhur ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li ordnat ordni ta’ protezzjoni għal ommu u s-sieħeb tagħha. L-akkużat kien ordnat ma jersaqx lejhom għal perjodu ta’ tliet snin.