Editorjal

EDITORJAL: Il-promozzjoni ta’ Konrad Mizzi

L-iskandlu tal-Panama, li issa ilu magħna kważi xahrejn u nofs, mhux talli ma ġiex riżolt mill-Prim Ministru li kien wiegħed li kien se jismagħha lill-opinjoni pubblika, talli Joseph Muscat ġabu agħar b’dik li l-id ix-xellugija tiegħu f’Kastilja, Konrad Mizzi, jiddeskrivi bħala promotion.

Ministru speċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Wara sensiela ta’ Ministri u Deputati Laburisti jittallbu lill-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, u lill-id ix-xellugija tal-Prim Ministru biex jirriżenjaw minn jeddhom, Joseph Muscat m’għamel xejn. Anzi, l-id ix-xellugija tiegħu ftaħar mal-ġurnalisti li issa hu aqwa għax sar saħansitra Ministru speċjali: Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. U responsabbli xorta waħda għax-xiri tal-fuels u l-power station il-ġdida, iż-żewġ skandli jintnu marbutin ma’ Joseph Muscat sa minn qabel l-elezzjoni.

Evidenti għal kulħadd li Joseph Muscat kompliċi
Hu ovvju issa għal kull min jirraġuna bil-loġika li Joseph Muscat, għalkemm l-ewwel kien wiegħed li se jieħu azzjoni, ma setax ineħħi la lill-id il-leminija tiegħu f’Kastilja u lanqas lill-id ix-xellugija. Hu evidenti li t-tnejn li huma insistew ma’ Joseph Muscat li jew itiru t-tlieta li huma – jiġifieri Joseph Muscat magħhom – inkella ħadd minnhom. Dan hu għaliex hu ċar għal kulħadd issa li Joseph Muscat hu kompliċi ma’ idu l-leminija u ma’ idu x-xellugija f’dan l-iskandlu li ilu jinħema tliet snin u aktar.

Mossack Fonseca rappreżentata f’Kastilja stess
Il-kompliċità evidenti ta’ Joseph Muscat hi gravi ħafna għax hu l-Prim Ministru u għax l-iskandlu hu gravi ħafna, kif juru l-fatti. Dan hu skandlu li fih l-idejn il-leminija u x-xellugija tal-Prim Ministru f’Kastilja fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama wara li telgħu fil-poter, u mhux qabel. Fetħuhom permezz ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija korrotta Panamjana f’nofs dan l-iskandlu dinji, rappreżentata f’Malta minn ħabib personali ta’ Joseph Muscat li wara l-elezzjoni beda jpoġġi ħdejh f’Kastilja stess.

Joseph Muscat u jdejh it-tnejn gidbu kontinwament
Hu skandlu kbir għax Joseph Muscat u jdejh it-tnejn gidbu kontinwament kemm ilu li faqqa’ wara li gidbu ħafna qabel ukoll. Għax ir-raġunijiet li taw biex idejh it-tnejn f’Kastilja jiftħu kumpaniji sigrieti u jippruvaw jiftħu kont sigriet tal-bank huma sensiela ta’ gideb: l-ewwel għal propjetà jew kera, imbagħad biex jirriċklaw il-ħmieġ. Il-banek qalulhom ċar imma li s-suspett tagħhom kien ta’ riċiklaġġ ta’ flus.

Kellhom ipoġġu miljun dollaru fis-sena
Idejn Joseph Muscat it-tnejn kienu ddisprati biex jiftħu kont sigriet tal-bank u dan hu sinjal li kellhom il-flus x’jiddepożitaw bil-moħbi. Għalhekk ippruvaw f’disa’ banek u għalhekk taw l-approvazzjoni tagħhom biex jiftħu kont sigriet li fih kienu jafu li kellhom ipoġġu mill-anqas miljun dollaru fis-sena. L-iskandlu jkompli jikber għax ma nfetħet l-ebda investigazzjoni kontra sħab Joseph Muscat, anzi l-Pulizija kienu medhijin isuqu fit-tul il-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’attentat tal-Gvern biex, flok jiġġieled il-korruzzjoni, iħammeġ lil Simon Busuttil.

Dawn huma l-fatti, li ma jinbidlu bl-ebda diskors u bl-ebda vot fil-Parlament, anzi li juru li Joseph Muscat hu kompliċi hu u jippromwovi lil idejh it-tnejn f’Kastilja.