Editorjal

EDITORJAL: Paroli bla fatti fuq il-korruzzjoni

Il-vot fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda fuq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, imressqa minn Deputata li telgħet f’isem il-Partit Laburista kienet opportunità tad-deheb biex naraw numru ta’ Ministri u Deputati Laburisti kellhomx l-integrità li dak li kienu qed jgħidu bil-fomm iwettquh bil-fatti. Għax dik hi l-integrità: is-sħuħija; li dak li taħseb u titkellem ikun jaqbel ma’ dak li mbagħad tagħmel ħalli b’hekk tkun integru, sħiħ.

Edward Scicluna…
Kien hemm il-Ministru tal-Finanzi li kien parla dwar deċiżjoni ‘iebsa u qawwija’ li ried jieħu l-Prim Ministru. Kien parla wkolll kemm l-iskandlu tal-Panama għamel ħsara lill-industrija tas-servizzi finanzjarji li dan il-Gvern wiret mingħand ta’ qablu bħall-industriji l-oħrajn kollha li qed ikabbru l-ekonomija tagħna.

…iparla biss
Imma Edward Scicluna parla biss għax nhar l-Erbgħa ma kellux il-kuraġġ li hu, issa, jieħu d-deċiżjoni ‘qawwija’ li ried mingħand Joseph Muscat li mhux talli ma ħadhiex, talli insulta lil kull min kien għamillu l-appell għas-serjetà. Paroli; bħalma Edward Scicluna jparla biss dwar l-ekonomija għax jiftaħar b’rix il-Gvern ta’ qabel u ma jirrikonoxxix li l-Gvern tiegħu ħoloq biss industrija waħda ġdida: l-industrija korrotta tal-positions of trust li fost l-ewwel li ffangat fiha kienet il-mara tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

George Vella u Charles Mangion jinsew
Kien hemm George Vella li kien Viċi Prim Ministru fil-Gvern ta’ Alfred Sant li wkoll għamel il-fehmiet tiegħu ċari u kien keċċa ħafna min-nies korrotti li – mal-ħatra ta’ Joseph Muscat – reġgħu daħlu jippopolaw lill-Partit Laburista. George Vella nesa li f’dak il-Gvern li tiegħu kien Viċi Prim Ministru, Charles Mangion kien irriżenja mill-ewwel fuq żball ferm iżgħar mill-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama eżatt wara l-elezzjoni permezz tal-kumpanija korrotta Mossack Fonseca llum rapreżentata minn ħabib personali ta’ Joseph Muscat b’uffiċċju f’Kastilja. Insew hu u Charles Mangion stess li wkoll tilef l-opportunità tal-integrità.

L-għajta ta’ Leo Brincat u ta’ Godfrey Farrugia
Kien hemm Leo Brincat li fis-snin 80 kien jippreżenta ruħu bħala xi ljun u li qabel ma jmur jippreżenta ruħu fl-Ewropa kien ikollu krettu b’vot kontra dan l-iskandlu internazzjonali. Imma l-iljun tas-snin 80 sar qattus. Lanqas Godfrey Farrugia ma kien kapaċi jgħaddi mill-paroli ta’ quddiem il-cameras għall-fatti fil-vot. Ħaseb li l-emozzjoni hi xi sostitut għall-fatti.

Evarist Bartolo jasal sal-kwotazzjonijiet biss…
Kien hemm Evarist Bartolo li wkoll kien Ministru fi żmien Alfred Sant u li jaf xi ħsara għamlet lill-Partit Laburista l-korruzzjoni kbira tas-snin 80. Qabel nhar l-Erbgħa kien ikkwota lil Ġużè Ellul Mercer fuq il-Facebook għal aktar minn darba. Ġie rappurtat li tkellem iebes ħafna waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista. Kien l-aktar wieħed ċar fil-kundanna bil-paroli tiegħu għal dak li għamlu l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Joseph Muscat f’Kastilja. Appella pubblikament biex il-Labour ma jbagħbasx il-barometru hu u jipprova jqarraq bih innifsu li hu l-bnazzi, flok il-maltemp.

…u jaqa’ għat-tbagħbisa tal-barometru
Imma bejn il-paroli u l-fatti fuq il-korruzzjoni hemm il-baħar jikkumbatti. U Joseph Muscat – kif ilu jagħmel għomru – bagħbsu l-barometru bil-gideb kontinwu ma’ sħabu ta’ Kastilja għal xahrejn u nofs sħaħ. U għat-tbagħbis tal-barometru waqa’ anke min appella biex il-Labour iħares lejn ir-realtà tal-burraxka internazzjonali ta’ korruzzjoni u mhux lejn il-barometru mbagħbas bil-gideb ta’ Joseph Muscat.