Lokali

Fid-9 ta’ Mejju se jkun iċċelebrat Jum l-Ewropa

ue ewropa, unjoni ewropea

Fid-9 ta’ Mejju ta’ kull sena jkun iċċelebrat Jum l-Ewropa: ġurnata li l-iskop tagħha hu li jkunu ċċelebrati l-paċi u l-għaqda fl-Ewropa. F’Sant Iermu fil-Belt Valletta, ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna organizzat attività għall-istudenti minn skejjel differenti.

F’kumment lil NETnews, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Elena Grech qalet li l-iskop tal-attività kienet biex l-istudenti jifhmu aktar l-importanza ta’ Jum l-Ewropa u x’relevanza għandu għal pajjiżna.

Id-9 ta’ Mejju, li din is-sena se tkun it-Tnejn li ġej, timmarka l-anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman. Schuman kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż li fl-1950 kien stabilixxa forma ġdida ta’ koperazzjoni politika għall-Ewropa.

Il-viżjoni tiegħu kienet li tinħoloq istituzzjoni Ewropea li tgħaqqad u timmaniġġja l-produzzjoni tal-faħam u l-azzar, b’din il-proposta tibqa’ meqjusa bħala l-bidu ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea.