Is-Scottish National Party (SNP) ta’ Nicola Sturgeon kiseb it-tielet rebħa storika fl-elezzjonijiet għall-Parlament tal-Iskozja iżda ma għandux biżżejjed siġġijiet biex jifforma Gvern ta’ maġġoranza f’Edinburgh. Sadanittant, il-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn mar ħażin fl-Iskozja u ġarrab ukoll telfiet fl-Ingilterra għalkemm, fl-aħħar każ, id-disfatti għalih kienu anqas milli mistennija.
Il-poplu, nhar il-Ħamis, ivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlamenti tal-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales kif ukoll għal 124 kunsill lokali fl-Ingilterra. Ir-riżultat tal-elezzjoni għas-Sindku ta’ Londra għalissa mhux magħruf u għad iridu joħorġu r-riżultati minn bliet prinċipali oħra tal-Ingilterra.
Meta tkellmet fl-Iskozja, Sturgeon naqqset l-aspettattiva għal referendum ieħor dwar l-indipendenza u waqt li kkonfermat li se tifforma Gvern ta’ minoranza f’Holyrood, għamlitha ċara li hi għandha l-ħsieb ‘li tipperswadi u mhux tifred lill-elettorat’. Madankollu hi sostniet li l-SNP kiseb rebħa kbira li tfisser ukoll mandat ċar. L-SNP mistenni wkoll jiggverna waħdu aktar milli f’alleanza ma’ partiti oħra.
Minkejja d-disfatta tal-Laburisti fl-Iskozja, Jeremy Corbyn insista li l-partit tiegħu ‘żamm il-kolp’ filwaqt li ħareġ aħjar milli mistenni f’Wales u fl-Ingilterra.
Sadanittant, il-Konservattivi fl-Iskozja spiċċaw it-tieni, wara l-SNP, u qabel il-Laburisti Skoċċiżi, il-Ħodor u l-Liberali Demokratiċi. Bil-konferma tar-riżultati, is-Scottish National Party ta’ Nicola Sturgeon issa għandu 63 siġġu fil-Parlament tal-Iskozja, bil-konservattivi jirbħu 31 siġġu u l-Laburisti 24.
Sadanittant riżultati oħra wrew li l-UKIP radikali ta’ Nigel Farage rebaħ seba’ siġġijiet fl-Assemblea ta’ Wales. Fl-istess ħin, il-Partit Laburista għandu jibqa’ l-akbar partit ta’ Wales għalkemm naqas li jikseb maġġoranza assoluta.
Fl-Ingilterra hemm tbassir li l-Laburisti kapaċi jiksbu 31 fil-mija tal-vot nazzjonali, bil-Konservattivi jiksbu 30 fil-mija, kontra 15 fil-mija għal-Liberali Demokratiċi u t-12 fil-mija għall-UKIP.
Fit-tellieqa għas-Sindku ta’ Londra, il-kandidat Laburista, Sadiq Khan deher li kellu vantaġġ fuq ir-rivali konservattiv Zac Goldsmith. Intant, kienu qed ikunu ddikjarati l-ewwel riżultati għall-Irlanda ta’ Fuq, bir-riżultat finali mistenni għal għada.
Sadanittant, hemm ftit x’jissuġġerixxi li l-votanti Britanniċi qed jemmnu li l-Partit Laburista seta’ qabad it-triq lejn ir-rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.. Dan fost sejħiet biex il-partit ikollu tmexxija aktar deċiżiva waqt li jappella aktar liċ-ċentru.
Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron, li jmexxi l-Partit Konservattiv, qal li r-riżultati tal-partit tiegħu fl-Iskozja u riżultati oħrajn inkoraġġanti fil-Kunsill ta’ Peterborough u l-kunsilli ta’ Dudley u Nuneaton, fl-Ingilterra, jirrappreżentaw wirja tajba għall-partit li ilu fil-Gvern għal sitt snin.
Dawn l-elezzjonijiet qed jitqiesu bħala l-akbar eżami għall-opinjoni politika qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss li hi programmata għall-2020.
//= $special ?>