Lokali Qorti

Priġunieri jitolbu ħelsien mill-ħabs wara sentenza kruċjali mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Trevor Bonnici, li qed jiskonta sentenza ta’ sena u nofs ħabs wara li nstab ħati ta’ reat marbut mad-droga, dalgħodu ressaq rikors sabiex titħassar is-sentenza li ngħata u jinħeles mill-ħabs.

Il-każ kien seħħ fl-2004 u l-proċess ġudizzjarju intemm f’Diċembru li għadda meta l-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabet lil Bonnici ħati esklussivament fuq stqarrija inkriminanti li ta lill-pulizija waqt li kien arrestat u ma kellux assistenza legali.

L-Avukat Jason Azzopardi, li flimkien mal-avukat Julian Farrugia qed jidher għal Bonnici, ikkwotaw sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg f’Jannar li għadda li “ħammret wiċċ Malta”. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ewropea qalet li Mario Borg, li kien ikkundannat fl-istess ċirkostanzi ta’ Bonnici, sofra ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea għamlitha ċara li bniedem jispiċċa l-ħabs biss fuq stqarrija lill-pulizija mingħajr l-assistenza ta’ avukat ifisser ksur tad-drittijiet tiegħu.

Jason Azzopardi qal li eżatt wara din is-sentenza, fil-25 ta’ Jannar li għadda, id-difiża ressqet protest ġudizzjarju dwar il-fatt li Bonnici jinsab il-ħabs fuq sentenza illegali, iżda l-Avukat Ġenerali ħass li ma kellux għalfejn iwieġeb għal dan il-protest. Għalhekk, id-difiża qed tressaq rikors sabiex Trevor Bonnici jinħeles mill-arrest li hu illegali.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-Avukat Ġiannella Camilleri Busuttil f’isem l-Avukat Ġenerali opponiet din it-talba tad-difiża u sostniet li Bonnici qed jinżamm il-ħabs minn sentenza valida tal-Qorti. Dwar il-Qorti ta’ Strasbourg, l-Avukat Camilleri Busuttil innotat li r-rimedju kien wieħed ta’ kumpens monetarju u mhux ta’ rilaxx. Fl-opinjoni tagħha, id-difiża naqset milli tagħti raġuni valida li tiġġustifika li dan hu arrest illegali. Fir-risposta tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi qal li l-Qorti Ewropea ma tħassarx sentenzi ta’ Qrati nazzjonali iżda tara jekk hemmx ksur ta’ drittijiet tal-bniedem u tagħti rimedju f’forma ta’ ħlas.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest għaliex il-Qorti tal-Maġistrati mhux Qorti Kostituzzjonali. Hu mifhum li l-avukati ta’ Trevor Bonnici se jressqu rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (sede Kostituzzjonali) fil-jiem li ġejjin.

Intant, l-Avukati ta’ Mario Borg, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatgħet favurih f’Jannar li għadda, ippreżentaw żewġ rikorsi quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali).

Fir-rikorsi, l-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u David Camilleri, talbu lill-Qorti li fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ewropea ta’ Jannar li għadda li fiha instab li kien hemm ksur fid-Drittijiet Fondamentali ta’ Mario Borg, tiddikjara li l-istat ta’ inkarċerazzjoni u n-nuqqas ta’ rimedju mill-Istat jiksru d-drittijiet fondamentali tiegħu.

Talbu wkoll li titħassar is-sentenza u jsir smigħ mill-ġdid u/jew tordna r-rilaxx ta’ Borg mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.