Folla mdaqqsa is-Sibt attendiet għall-protesta organizzata mis-soċjeta’ ċivili. Waqt l-attivita quddiem il-Parlament, ma sarux diskorsi iżda kienet intiża bħala ġabra ta’ nies u ta’ organizzazzjonijiet li qed jesiġu li Malta tkun bħal pajjiżi demokratiċi normali oħrajn fejn min issemma’ fl-iskandlu tal-Panama, irriżenja
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-istorja tal-iskandlu tal-Panama mhux se tintemm, għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat stess ma temmhiex. Dan l-iskandlu se jibqa’ jissemma’ u jibqa’ miegħu sal-elezzjoni ġenerali li jmiss
Anki d-Deputat Marlene Farrugia qalet li dan l-iskandlu mhux se jintemm qabel ma jitneħħew Konrad Mizzi u Keith Schembri. U konsegwenza tal-fatt li baqgħu hemm, kull investiment li se jġib il-Gvern, leġittimu kemm hu leġittimu, se jibqa’ jqajjem mistoqsijiet fost il-poplu dwar jekk hemmx għanijiet ulterjuri
Fi stqarrija, is-soċjeta ċivili qalet li l-poplu qed jitlob dak hu normali u ovvju f’soċjeta’ demokratika; li persuni li huma esposti politikament m’għandhomx ikunu assoċjati ma’ tax havens u li jinvolvu ruħhom fi transazzjoni finanzjarji dubjużi. Dan jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess u riperkussjonijiet politiċi u soċjali fit-tul bħal nuqqas ta’ fiduċja fil-politika u li prattiċi ta’ korruzzjoni jibdew jitqiesu bħala xi ħaġa normali. Is-soċjeta’ ċivili se tibqa’ tinsisti li Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw mill-kariga.
Għal xi ħin kien hemm battibekk bejn numru ta’ dimostranti li kienu qed joġġezzjonaw għal posters li kienu qed ipoġġu lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista fl-istess keffa.
//= $special ?>

