Il-kandidat Presidenzjali kontroversjali Donald Trump esprima l-appoġġ tiegħu għal kampanja favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Trump li matul din il-ġimgħa kiseb kważi b’ċertezza n-nomina tal-Partit Repubblikan għal elezzjoni Presidenzjali ta’ l-Istati Uniti li ser issir f’Novembru saħaq li r-Renju Unit ikun aħjar barra mill-Unjoni Ewropea.
Huwa sostna li l-immigrazzjoni kienet xi ħaġa terribli fl-Ewropa u li t-tort kien ta’ l-Unjoni Ewropea. Sostna li dawn is-sentimenti kien biss l-opinjoni personali tiegħu u mhux rakkomandazzjoni lil poplu Brittaniku.
Trump saħaq li huwa kien jaf lir-Renju Unit sew għaliex kellu bosta investimenti fil-pajjiż.
Intant il-kandidatura ta’ Trump qegħda tkompli toħloq qasma fi ħdan il-Partit Repubblikan. Dan hekk kif fl-aħħar siegħat filwaqt li l-eks Viċi President Amerikan Dick Cheney, l-gvernatur ta’ Wisconsin Scott Walker u l-mexxej tar-Repubblikani fis-Senat Mitch McConnell esprimew l-appoġġ tagħhom għal Trump, l-eks Presidenti George H W Bush u George W Bush u l-eks gvernatur ta’ Florida Jeb Bush ingħaqdu ma’ l-eks kandidat presidenzjali Mitt Romney u saħqu li ma’ kienux lesti jgħatu appoġġ lil Donald Trump.
//= $special ?>