Il-Caritas Malta ffirmat il-ftehim ta’ koperazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, liema ftehim ikopri s-snin 2016 – 2018. Dan il-ftehim jagħti sapport finanzjarju lis-servizzi li toffri Caritas lil dawk il-persuni li jabbużaw minn sustanzi illeċiti u jkollhom bżonn programm ta’ riabilitazzjoni f’wieħed mill-komunitajiet terapewtiċi residenzjali kif ukoll servizzi mhux residenzjali li toffri Caritas. Dan is-servizz jingħata wkoll lill-familjari ta’ persuni li jinsabu f’dan l-abbuż.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay irringrazzja lill-Ministru Michael Farrugia għal dan is-sapport u fakkar ukoll li ftit xhur ilu ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern, The Alfred Mizzi Foundation u Caritas u bis-saħħa t’hekk twaqqfet il-Fondazzjoni ‘Dar il-Hena’ li se toffri l-bżonnijiet bażiċi u tà kuljum lil persuni l-aktar vulnerabbl, fosthom dawk bla saqaf fuq rashom u bi ħtiġijiet oħra.
McKay tkellem dwar l-istatistika tal-Caritas fejn turi li fl-2015, madwar 700 persuna ħabtu l-bibien tal-Caritas għall-għajnuna minħabba l-problema tad-droga u minn dawn jirriżulta li 20 fil-mija kienu klijenti ġodda. Innota wkoll li waqt li l-użu tal-kokaina jkompli jiżdied, fis-suq illum qed jikber l-użu ta’ drogi sintetiċi.
Id-Direttur tal-Caritas ħabbar li fit-18 ta’ Mejju se jsir il-ftuħ uffiċjali tal-binja li ġiet irrinovata biex tilqa’ fiha nisa u ommijiet li qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni kontra l-abbuż mid-droga.
Leonid McKay spjega li programm residenzjali f’post adatt bi spazji miftuħa għandu jkun provdut għal min jeħtieġu biss. Idealment u fejn possibli l-interventi għandhom isiru fil-komunità fi ħdan il-familja. Hu temm jgħid li qed jemmen f’dan il-bżonn ta’ servizz għall-minuri għax hija età u fażi kritika ħafna u kull intervent jista’ jkun deċiżiv.
//= $special ?>