Matul il-ġimgħa, il-komunità kummerċjali tal-Baħrija qed tilħaq l-inqas livelli ta’ kummerċ għal snin twal. Sidien ta’ ristoranti li qabel kienu jorganizzaw attivitajiet kontinwi matul il-ġurnata spjegawlna kif issa qed jiftħu biss fi tmiem il-ġimgħa..
Dan l-istazzjon hu nfurmat li fl-aħħar ġimgħat gruppi ta’ persuni, b’mod speċjali anzjani li kienu jattendu għall-coffee mornings jew tombla li kienu jiġu organizzati b’mod regolari f’ristoranti tal-Baħrija, ħassru l-attivitajiet.
Dan għaliex ir-rotot alternattivi minħabba l-proġett tat-toroq u d-dranaġ mhux tajbin għall-kowċis privati li kienu jinkrew, b’dawk affettwati kien se jkollhom jikru mini buses bi spiża ferm ogħla.
Fil-fatt in-nuqqas ta’ ħsieb mill-Gvern qabel beda dan il-proġett, li x-xogħol fuqu ilu jitwal, wassal biex ir-residenti tal-Baħrija u dawk li jiffrekwentaw l-inħawi qed ikollhom jidħlu minn naħa ta’ Ħad-Dingli, fejn iridu jgħaddu minn toroq kollha mħarbta u dojoq fil-kampanja.
L-alternattiva hi dawra oħra, din id-darba minn naħa tal-Imġarr, fejn iridu jgħaddu minn triq One Way. Madankollu din it-triq tista’ tintuża wkoll minn residenti ġejjin minn naħa tal-Baħrija, bir-riskju li dawk li jużawha jsibu karozza ma’ wiċċhom.
Illum, xhur wara li beda l-proġett u l-inkonvenjent għar-residenti, xi ħadd ġietu l-idea li jibda jagħti ftit patches ta’ tarmak biex jgħatti l-ħofor kontinwi matul it-triq. Madankollu, ftit sigħat biss wara li saru, stajna ninnutaw li t-tarmak kien diġa’ beda jinqala’.
Fuq il-post bilkemm rajna ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett, u minkejja l-wegħdiet li x-xogħol se jibqa’ għaddej sa tard bil-lejl, dan mhux iseħħ lanqas.
//= $special ?>