Lokali

Ir-reshuffle tfisser spiża ta’ miljun ewro aktar fis-sena għat-taxpayer

Ir-reshuffle fil-kabinett mill-Prim Ministru Joseph Muscat li ġiet deskritta minn ħafna bħala xejn għajr farsa ser żżid l-ispiża nazzjonali b’miljun Ewro fis-sena. Dan ħareġ f’eżerċizzju magħmul mill-ġurnal The Times of Malta.

F’storja fil-faċċata fil-ħarġa tas-Sibt ġie spjegat li b’16-il ministru il-kabinett ta’ Malta huwa kbir daqs dak Taljan u ftit iżgħar minn dak tar-Renju Unit filwaqt li huwa ferm akbar minn ta’ pajjiżi bħal Ċipru, l-Lussemburu, l-Finlandja, l-Olanda u l-Belġju.

Il-kabinett oriġinali ta’ Muscat kien ser jiswa lil poplu ftit aktar minn ħmistax-il miljun Ewro fis-sena iżda bl-aħħar reshuffle dan l-ammont issa jaqbeż is-sittax-il miljun Ewro. Meta wieħed jikkumpara l-kabinett ta’ Joseph Muscat ma’ dak ta’ Lawrence Gonzi wieħed jara li l-kabinett ta’ Lawrence Gonzi kien jiswa ftit aktar minn disgħa miljun Ewro fis-sena, anke jekk wieħed jgħodd iż-żieda fil-paga tal-kabinett liema żieda kienet ġiet irtirata.

L-istima ta’ The Times turi kif ministru jiswa lit-taxpayer madwar tminn mitt elf Ewro fis-sena. L-istess storja tispjega wkoll kif għat-tieni darba fl-istorja ta’ Malta fil-kabinett hemm Ministru bla portafoll; bl-ewwel darba tkun fil-gvern ta’ Alfred Sant meta Joe Mizzi kien ministru bla portafoll.

Interessanti l-fatt li qabel l-elezzjoni ġenerali Joseph Muscat kien wiegħed li l-kabinett tiegħu ma’ jkunx akbar mill-kabinett ta’ Eddie Fenech Adami. L-akbar kabinett li qatt ħatar Eddie Fenech Adami kien fl-2003 meta kien hemm 13 il-ministru, jiġifieri tlieta inqas milli ħatar Joseph Muscat.