Il-Ġimgħa l-Moviment ta’ Kana żamm il-laqgħa Annwali Ġenerali. Fl-indirizz tiegħu il-President tal-Moviment Arthur Galea Salomone qal li kienet sena ta’ ħidma kbira f’diversi oqsma inkluż fit-tħejjija ta’ l-għarajjes għaż-żwieġ, fil-formazzjoni tal-koppji u fil-counselling fejn fuq bazi volontarju ingħataw il-fuq minn 2300 siegħa counselling.
Kienet sena li fiha il-Moviment irċieva tal-inqas żewġ rigali kbar, wieħed fil-forma tal-ħatra ta’ Fr. Charles Attard bħala d-Direttur il-ġdid tal-Moviment ta’ Kana u l-ieħor fil-forma ta’ l-Eżortazzjoni Apostolika ‘Amoris Laetitia’ – il-Ferħ ta’ l-Imħabba tenna Galea Salomone.
L-Eżortazzjoni hi stedina biex bħala familji Nsara nibqgħu ngħożżu t-teżori taż-żwieġ u l-familja u nipperseveraw fl-imħabba li hija msaħħa mill-impenn, mill-ġenerożita, mill-paċenzja, mill-fedeltà. Fl-istess l-eżortazzjoni hi kelma ta’ kuraġġ li tirrikonoxxi d-dgħufija u l-imperfezzjonijiet f’kull wieħed u waħda minnha. Il-Papa jgħid li l-ebda familja ma taqa’ perfetta mis-sema u l-familja ideali m’għandhiex għalfejn tkun sterjotipata imma hija możajk ta’ realtajiet differenti. Għalhekk, qal il-President, “…..il-ħajja ta’ Kristu iżjed milli kienet mmarkata mil-lectures fuq l-ideal, kienet ħajja immarkata mill-lezzjonjiet tal-ħniena….. Fil-ħidma pastorali tal-familja m’aħniex hawn biex niġġudikaw imma biex nakkumpanjaw lil-kulħadd.”
Wara l-indirizz ta’ Galea Salomone, tkellem id-Direttur il-ġdid tal-Moviment ta’ Kana, Mons. Charles Attard li enfasizza l-bżonn li l-ħidma tal-Moviment għandha tiġi mxandra iżjed. Mons Attard saħaq dwar il-bżonn li l-familja xxandar lilha nnifisha. Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Mondjali tal-Komunikazzjoni Soċjali tal-2015, saħaq fuq il-bżonn li nagħmlu enfasi fuq l-Evanġelju tal-Familja. Il-kelma Evanġelju tfisser ‘Aħbar tajba’, mela jekk il-familja hi Aħbar Tajba, allura il-familja għandha tiġi mxandra. Dan għandu jsir l-ewwelnett billi mmorru għall-oriġini tal-familja mingħajr ma nibżgħu inxandru il-familja kif imfissra fil-Kelma t’Alla. It-tieni billi nirrakkontaw l-esperjenzi tal-familja bit-talenti, in-nuqqasijiet u l-bżonnijiet tagħha li jagħmilha mużajk prezzjuz ta’ esperjenzi, teżor li jistħoqqilha tkun imħarsa. Fl-aħħarnett jeħtieġ li l-familja ma tingħalaqx fiha nnifisha imma għandha tikkomunika lilha nnifisha fuq il-mudell tal-Verġni Marija “li marret tħaffef lejn l-għoljiet” biex tagħti l-għajnuna tagħha lill-qariba tagħha Eliżabetta.
“Ejjew ma nibżgħux immorru għand il-familji tal-oħrajn, biex nagħtuhom il-konfort, biex nuruhom is-solidarjetà u ngħidulom li qed nitolbu għalihom” temm jgħid id-Direttur tal-Moviment ta’ Kana.