Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti qal li nstabu ‘il fuq minn ħamsin qabar tal-massa f’diversi bnadi tal-Iraq li, qabel, kienu kkontrollati mit-terroristi tal-ISIS.
Jan Kubis – li hu r-rappreżentant speċjali tan-NU fil-missjoni għall-għajnuna lill-Iraq –informa lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-istess NU li l-oqbra huma ‘provi tar-reati terribbli kontra l-umanità’ li seħħew taħt idejn l-ISIS li, fl-aħħar xhur, kienu kostretti li rtiraw mit-territorji inkwistjoni.
Intant, oqbra oħra li kienu nstabu, f’April, fl-inħawi ta’ Ramadi jistgħu fihom il-fdalijiet ta’ għexieren ta’ vittmi.
Kubis qal li l-komunità internazzjonali għandha tieħu l-passi ‘biex taċċerta l-kontabbiltà tal-ġellieda tal-ISIS’ fid-dawl ta’ dawn l-atroċitajiet.
Instabu wkoll il-fdalijiet tan-nies f’oqbra tal-massa qrib ta’ Sinjar, fit-Tramuntana tal-Iraq; f’Anbar lejn il-Punent tal-pajjiż u fil-madwar ta’ Tikrit.
Fost il-vittmi tal-ISIS kien hemm membri tat-tribujiet, suldati Iraqqin, nisa u nies mill-komunità tal-Yazidi, f’minoranza.
//= $special ?>