Sadiq Khan rebaħ l-elezzjoni lokali ta’ Londra biex sar l-ewwel Sindku Musulman tal-kapitali Britannika u, ftit tal-ħin ilu, ħa l-ġurament tal-ħatra, f’Kattidral ta’ Southwark.
Khan, il-kandidat tal-Partit Laburista, irnexxielu jegħleb lill-isfidant Konservattiv Zac Goldsmith f’waħda mill-aktar riżultati mistennija tal-elezzjonijiet li saru nhar il-Ħamis f’124 Kunsill Lokal fl-Ingilterra.
Intant, Sadiq Khan, waqt il-kampanja, iddisassoċja ruħu mill-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, u r-riżultat li kiseb xorta ma jpattix għad-disfatti tal-Laburisti fl-elezzjonijiet tal-Iskozja; b’dan il-partit jitlef ukoll numru ta’ kunsilli fl-Ingilterra.
Khan, fl-istess ħin, kiseb l-akbar mandat personali ta’ kwalunkwe politiku fl-istorja tar-Renju Unit u issa se jimxi fuq il-passi tal-eks-Sindki ta’ Londra, Ken Livingstone u Boris Johnson. Ir-rebħa tiegħu tfisser ukoll it-tmiem tat-tmexxija Konservattiva ta’ City Hall li kienet ilha għal tmien snin.
Fl-ewwel diskors bħala Sindku, Khan qal li beħsiebu jagħmel il-belt ta’ Londra aħjar u sostna li se jmexxi amministrazzjoni trasparenti u aċċessibbli li tirrappreżenta lil kull resident ta’ Londra. Hu issa se jispiċċa minn deputat Laburista għad-distrett ta’ Tooting.
Il-poplu, nhar il-Ħamis, ivvota wkoll fl-elezzjonijiet għall-Parlamenti tal-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales u issa, Nicola Sturgeon, li tmexxi s-Scottish National Party (SNP), qalet li se tipprova ssib politika komuni mal-partiti tal-Oppożizzjoni wara li l-SNP kiseb it-tielet rebħa konsekuttiva fl-Iskozja.
L-SNP tilef il-maġġoranza assoluta fil-Parlament Skoċċiż ta’ 129 membru għal żewġ siġġijiet biss. Iżda Sturgeon, li qed tkompli bħala l-Ewwel Ministru tal-Iskozja, ċaħdet li se tifforma koalizzjoni ma’ partit ieħor u mistenni li s-SNP għandu jmexxi bħala Gvern ta’ minoranza.
Fil-preżent hemm stennija biex l-aħħar ftit kunsilli lokali fl-Ingilterra jiddikjaraw ir-riżultati.
Aktar kmieni…
L-Elezzjoni tal-kandidat Laburista Sadiq Khan bħala Sindku ta’ Londra qegħda titqies minn ħafna bħala waħda mill-uniċi sorsi ta’ konsolazzjoni għal Partit Laburista Ingliż ta’ Jeremy Corbyn wara li l-istess Partit Laburista spiċċa fit-tielet post fl-Iskozja, naqqas il-kunsilliera fl-Ingilterra filwaqt li naqas milli jikseb maġġoranza f’Wales fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Sadiq Khan, li għeleb l-isfida ta’ Zac Goldsmith, b’hekk ser isir l-ewwel Sindku Musulman ta’ Londra. Tul il-kampanja elettorali Khan dejjem żamm ċertu distanza mill-mexxej tal-partit tiegħu Jeremy Corbyn.
Meta r-riżultat ta’ dawn l-elezzjonijiet jiġi mqabbel ma’ dak miksub fl-2012, meta l-aħħar saru dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista naqqas 6% tal-vot u kiseb 24 kunsillier inqas. Fuq livell nazzjonali l-Partit Laburista ra żieda marġinali li kiseb dirett mill-Partit Konservattiv fil-gvern. L-aktar riżultat ta’ tħassib kien il-fatt li l-Partit Laburista spiċċa fit-tielet post wara l-Scottish National Party u l-Konservattivi fl-Iskozja; fejn qabel din kienet meqjusa bħala fortizza tal-Labour.
//= $special ?>