L-osservaturi barranin qed jikkritikaw bl-aħrax il-verdett ta’ Qorti fit-Turkija fejn żewġ ġurnalisti spiċċaw ikkundannati għal termini ta’ priġunerija rispettivi talli huma żvelaw sigrieti tal-Istat.
Il-ġurnalista Erdem Gul weħel ħames snin ħabs u l-ġurnalista Can Dundar ingħata ħames snin u għaxar xhur priġunerija f’dan il-każ li żied it-tħassib dwar kif l-entitajiet tal-Istat Tork qegħdin jitrattaw lill-istampa lokali.
Dundar u Gul, li jaħdmu mal-gazzetta tal-Oppożizzjoni Cumhuriyet, kienu rrappurtaw li t-Turkija ppruvat twassal armi lir-ribelli li qegħdin jiġġieldu kontra l-Gvern tas-Sirja.
Ftit qabel il-verdett, raġel ipprova joqtol lil Can Dundar meta spara tiri lejn il-ġurnalista waqt li hu kien qed ikellem lill-membri tal-istampa barra l-bini tal-qorti, f’Istanbul. Il-ġurnalista ma ġralu xejn fl-attakk waqt li l-aggressur spiċċa arrestat mill-pulizija.
Dundar, issa, qal li s-sentenza tal-ħabs – u l-attentat fuq ħajtu – ‘ma sarux biss biex jagħlqulu ħalqu u jagħmlu sarima ma’ ħalq ġurnalisti oħra bħalu, iżda anki bl-iskop li l-istampa tat-Turkija tispiċċa suġġetta għall-intimidazzjoni.’
Dan il-ġurnalista u Erdem Gul se jappellaw mis-sentenza waqt li John Dalhuisen, id-Direttur tal-Amnesty International għall-Ewropa u l-Asja Ċentrali, fisser il-verdett tal-qorti Torka bħala ‘daqqa ta’ ħarta lill-ġustizzja’.
//= $special ?>