Internazzjonali

Tkompli t-theddida tan-nirien fil-Kanada

Uffiċjali fil-Kanada qed jistennew li n-nirien kbar li qabdu fl-aħħar jiem qalb foresta u li qerdu l-belt ta’ Fort McMurray, f’Alberta, jirduppjaw fid-daqs u l-qilla fi kwistjoni ta’ sigħat. In-nirien, fil-preżent, qed ikopru zona akbar mill-belt ta’ New York, bl-irwiefen imexxu l-fjammi lejn territorji ġodda ‘il hinn minn Fort McMurray.

L-awtoritajiet, madankollu, kienu qed jittamaw li n-nirien, ‘il quddiem, jaħkmu zona aktar remota li hi ddominata minn foresta, meta l-parti kbira tar-residenti ta’ Fort McMurray, issa, twasslu lejn inħawi anqas perikolużi.

Fl-aħħar jiem kienu evakwati għexieren ta’ residenti minn Fort McMurray, b’ħaddiema fil-qasam taż-żejt jitilqu wkoll mill-inħawi.

Filwaqt li għadha tiddomina nixfa fiz-zona, issemmiet il-possibbiltà ta’ xita fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla li tista’ ttaffi l-kriżi attwali.