“Il-kwistjoni tal-iskandlu tal-kontijiet moħbija f’Panama mhix magħluqa, għaliex dawk involuti għadhom magħna, b’Konrad Mizzi u Keith Schembri jżommu l-istess pożizzjoni tagħhom bħala Ministru u Kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru rispettivament.”
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li f’Jum l-Omm indirizza folla kbira fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Raħal Ġdid, fejn sellem lill-ommijiet, b’mod speċjali dawk li għaddejjin mid-diffikultajiet.
“L-iskandlu ta’ Panama Gate hu l-ikbar skandlu li qatt rat id-dinja, u wkoll pajjiżna, għaliex pajjiżna hu parti mid-dinja u mhux eċċezzjoni. Eċċezzjoni biss għaliex f’Malta biss għandna Ministru involut f’dan l-iskandlu, u li baqa’ fejn hu,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil tkellem dwar il-gravità ta’ dan il-każ, li fih il-Maltin involuti taw il-go ahead tagħhom biex jinfetaħ kont li fih riedu jpoġġu miljun ewro fis-sena, u l-għada bdiet il-ħidma biex dan isir.
“Dan il-kont infetaħ? X’hemm flus f’dan il-kont?” staqsa Simon busuttil, li tenna li l-kwistjoni għadha miftuħa għaliex id-dettalji qed jinkixfu ftit ftit, u l-mistoqsijiet għadhom mhux imwieġba.
“La l-Prim Ministru m’għalaqx din il-kwistjoni, meta għażel li jomm lill-eqreb nies tiegħu, Konrad Mizzi u Keith Schembri, allura l-kwistjoni għadha miftuħa u se tkun l-Oppożizzjoni li tkompli twassal il-vuċi ta-poplu,” għamilha ċara Simon Busuttil.
Fakkar kif il-Prim Ministru jiftaħar li qed jisma’ lin-nies, imma jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Joseph Muscat jisma’ l-poplu jikkritika l-aġir tal-eqreb ewġ persuni tiegħu, iżda jħallihom ikomplu jgawdu l-pożizzjoni tagħhom biex b’hekk kiser il-fiduċja tal-poplu.
Simon Busuttil wissa’ li mhux aċċettabbli li jkollna ekonomija tajba, iżda l-Gvern jipprova jagħlaq ħalq il-poplu billi juża dan bħala skuża meta l-eqreb tnejn min-nies l-eqreb ta’ Joseph Muscat. “Dawn iż-żewġ persuni huma qrib wisq ta’ Joseph Muscat, minkejja li jgħid li ma kien jaf xejn, biex inħallu kollox għaddej. Aħna konna, għadna u nibqgħu kontra l-korruzzjoni, anke jekk Joseph Muscat jipprova jagħlqilna ħalqna.”
Semma’ diversi każi li l-Partit Laburista vvinta gideb, kontra Beppe Fenech Adami, Mario Demarco, Anne Fenech u oħrajn, bl-għan li jipprova jħammeġ lill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista biex dan il-gvern jidher inqas maħmuġ.
“Jien m’inix maħmuġ, u kontra l-korruzzjoni. Li kieku jien kont Prim Ministru, Konrad Mizzi u Keith Schembri ilhom li taru mill-ewwel,” għamilha ċara Simon Busuttil, filwaqt li fakkar li dawn saħansitra kisru l-liġi meta ma ħallsux it-taxxi relatati ma’ dawn il-kumpanija moħbija.
Tattika oħra li qed juża l-gvern Laburista hi li jikkontrolla l-istituzzjonijiet ħalli dawn ikunu pupazzi tiegħu, ma jqumux kontra l-gvern u ma jimbarazzawhx. “Għalhekk qed nipproponu li l-ogħla istituzzjonijiet, li għandhom ikunu indipendenti, jinħatru b’żewġ terzi tal-Parlament biex verament ikollhom il-fiduċjà ta’ kulħadd,” qal Simon Busuttil, li fakkar kif il-Korp tal-Pulizija hu mehdi jbiddel Kummissarju wara l-ieħor iżda, kuntrarju anke għall-iktar pajjiżi korrotti, ma kellux ħin għal investigazzjoni.
Mill-ġdid Simon Busuttil għamel appell lill-Prim Ministru biex flimkien jiltaqgħu u jintagħżel kummissarju ġdid, sew jekk Nazzjonalist jew Laburist, imma l-aqwa li jkun serju. “Jekk il-Prim Ministru ma jilqax din l-istedina, sentejn oħra nagħmluha aħna,” wiegħed Simon Busuttil.
Hawn hu appella lill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ evażjoni tat-taxxa, ħasil ta’ flus u korruzzjoni li dwarhomqed iqumu dubji ta’ kuljum.
“Jekk anke l-Ministru Konrad Mizzi, meta tagħsar id-diskors tiegħu ssib li kemm kemm skuża ruħu għax jammetti hu stess li żbalja, allura kif jiġi skużat u ma jerfax ir-responsabiltà politika,” staqsa Simon Busuttil.
“La Keith Schembri baqa’ hemm, la Konrad Mizzi baqa’ hemm, allura issa l-mistoqsijiet daru fuq Joseph Muscat. Il-problema issa saret Joseph Muscat. Għaliex Joseph Muscat, li mar kntra s-sens komun u l-loġika, gideb, ħbielhom u saħansitra ddefendihom, in-nies qed jistaqsu għaliex sadd widnejh, jidħaq bin-nies u jġib ruħu hekk,” qal Simon Busuttil.
Hawn Simon Busuttil qal li n-nies qed jistaqsu: “Possibbli li Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jirrikattawh b’dan il-mod? Possibbli li ma kienx ajf mill-bidu x’qed jagħmlu le-qreb nies tiegħu?”
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Prim Ministru, Simon Busuttil wissa’ li Joseph Muscat issa tilef ir-responsabilta’ morali li jmexxi, għaliex niesu stess qed iħallihom jagħmlu li jridu, anke jekk hu ovju li għamlu li dak li mhux suppost.
“Jekk irridu nneħħu dawn id-dubji, l-unika mod hu li l-Prim Ministru jirriżenja minn Prim Ministru, għax id-dubju qed ikaxkar f’inċertezza lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, bi ħsara lill-immaġni ta’ pajjiżna, tas-settur finanzjarju fejn jaħdmu eluf ta’ persuni. Il-ħsara ssir mhux minn min jitkellem kontra l-korruzzjoni, imma minn min jonqos li jiġġilidha,” kompla Simon Busuttil.
Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wiegħed li l-Oppożizzjoni se tkompli tagħti vuċi lill-poplu Malti u Għawdxi, kif inhi kburija li għamlet fl-aħħar ġimgħat.
Is-sewwa tirbaħ żgur, imma biex tirbaħ irid ikun hemm xi ħadd li jaħdem għaliha, u l-Oppożizzjoni dak li se tagħmel, bl-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi, biex finalment dak li hu ġust jirrenja,” wiegħed Simon Busuttil.
F’għeluq it-tielet sena mindu sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li jsir nhar il-Ħadd li ġej, fejn il-Partit Nazzjonalista se janalizza l-aħħar tliet snin, iżda wkoll iħares u jippjana l-futur.
“Solidarjetà mal-ommijiet li qed isofru imma mhux isibu għajnuna” – Claudette Buttigieg – Shadow Minister tas-Saħħa
Pajjiżna hu mimli ommijiet li għaddejjin minn martirju, iżda minkejja dan isibu ruħhom abbandunati u jaffaċċjaw ħafna diffikultajiet.
Qalet dan ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg, li fid-diskors tagħha f’Raħal Ġdid sellmet lill-omm li ċemplitilha tolfoq għaliex binha, li żżewweġ ftit żmien ilu, sabulu kanċer u qed tittallab għall-mediċina li tiswa’ €60,000.
Ftakret ukoll fl-omm li tixtieq toħroġ taħdem għaliex bil-paga tar-raġel biss ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, iżda minħabba saħħitha ma tistax, kif ukoll l-omm li taħdem fl-emerġenza, fejn tixtieq tgħin lill-pazjenti imma għandha pressjoni biex tgħaġġel fuq xogħolha.
Claudette Buttigieg irreferiet ukoll għall-foster carer li qed taqta’ qalbha minħabba l-problemi li jkollha tassaċċja, għaliex il-ħidma u s-sapprot f’dan il-baħar mar il-baħar, lill-mara li tixtieq tadottha imma ssib ħafna bibien magħluqa, u l-omm li mhix issib is-servizzi adattati fil-komunità għal uliedha jew ġenituri anzjani.
“Bħal dawn l-ommijiet hawn ħafna persuni oħra, nisa, irġiel, anzjani u tfal, li bħallikieku mhux diġa għaddejjin minn diffikultajiet kbar, qed isibu iżjed ostakli,” qalet Claudette Buttigieg.
Iżda fid-dawl ta’ dan, il-gvern ta’ Joseph Muscat jonqos milli jieħu azzjoni u lanqas biss jirrikonoxxi l-problema. Minflok jigdeb li sab pajjiż imfarrak, meta sab infrastrutturi b’saħħithom, bħall-Isptar Mater Dei, iċ-Ċentru għall-kura tal-kanċer, il-Life Sciences Park u elf u mitejn ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropa fost l-oħrajn.
Iżda l-Gvern Laburista qed jarmi dak li sab, itajjar il-ġid u jiftaħar b’rix ħaddieħor. “Meta hemm il-korruzjoni, hemm is-serq, u min qed jinsteraq huwa l-poplu,” qalet Claudette Buttigieg, filwaqt li fakkret kif il-Gvern qed iqarraq meta jgħid li m’hemmx mediċini out of stock, għaliex issa sar jirreferi għalihom bħala pending order jew urgent order, jew li m’hemmx nies fil-waiting lists meta appuntamenti jew operazzjonijiet jieħdu bejn xhur sa snin biex isiru..
“Il-pajjiż jistħoqqlu tmexxija nadifa, onesta u tan-nies” – David Agius – Kelliem għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport
Pajjiżna jixraqlu mexxejja li joffru lill-poplu dak li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet mill-Partit Laburista, iżda dawn il-wegħdiet inkisru. Għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista qed juża ż-żmien tiegħu fl-Oppożizzjoni biex jistinka għal politika onesta, u ppublika dokument dwar l-ekonomija, dokument ieħor dwar il-governanza tajba u l-ħidma tkompli.
Kien dan il-messaġġ tal- Kelliem għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport David Agius li qabbel il-Partit Nazzjonalista ma’ Leicester City, li minn ġlieda għas-salvazzjoni, rebħu l-kampjonat Premier tal-ingilterra. Bħal leicester, il-Partit Nazzjonalist qed jimxi ma’ strateġija li qed tħalli l-frott, bil-kap tal-Partit Nazzjonalista jirbaħ ir-rispett tal-poplu, b’tim warajh li hu magħqud kemm bħala partit kif ukoll bħala grupp parlamentari.
“Aktar ma tattakkawna aktar nissudaw u ningħaqdu. Aktar ma tagħmlu vendikazzjonijiet mal-ħaddiema, aktar ningħaqdu flimkien,” tenna David Agius.
Fakkar li minkejja li mill-oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista ressaq iktar minn 30 mozzjoni privata, eluf ta’ mistoqsijiet parlamentari filwaqt li l-Gvern għadu jkaxkar saqajh imqar biex iressaq għad-diskussjoni l-liġi tal-kummissarju tal-istandards fil-ħajja pubblika.
Għall-kuntrarju l-gvern Laburista qed jagħmel dak kollu li l-poplu ma jridx, mifni bi skandlu wara l-ieħor, iqassam il-flus u l-propjetà tal-pajjiż kollu lin-nies tal-qalba, jagħti l-promotions lil tal-qalba u l-vendikazzjonijiet ma’ min mhux tal-qalba jew li għandu fehma politika differenti.
Fid-dawl ta’ dan hu appella liż-żgħażagħ, dawk li ma jassoċjawx ruħhom ma’ partit politiku jew li huma indeċiżi. “Wasal il-mument li pajjiżna jkollu tmexxija ġdida, tmexxija kontabbli ta’ persuna bħal Simon Busuttil li minn issa qed juri li jrid li pajjiżna jimxi b’mod normal bħala pajjiż Ewropew u demokratiku, b’politika onesta, nadifa u tan-nies.”
Fakkar kif il-mexxejja kollha fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista kellhom sfida wara l-oħra, f’ċirkostanzi differenti, biex jagħtu lura lil pajjiżna dak li kien nieqes – illum pajjiżna għandu bżonn mexxej li jgħolli mill-ġdid isem pajjiżna għal pajjiż fejn tirrenja l-onestà, serjetà u n-normalità.
//= $special ?>