Lokali

Ilu mill-2014 jistenna għal operazzjoni tal-irkoppa

Żagħżugħ li għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità xtaq li ismu ma jkunx ippubblikat, qal lil din il-gazzetta li ilu mill-2014 jistenna biex jagħmel operazzjoni tal-irkoppa fl-Isptar Mater Dei, fi proċess twil ta’ stennija u mingħajr m’hu qed jingħata spjegazzjoni dwar din l-istennija f’daqstant tul.

Kien fl-2013 meta ż-żagħżugħ ngħata parir minn konsulent mediku privat li kellu jagħmel operazzjoni tal-ACL, jiġifieri operazzjoni tal-irkoppa. Fil-parir, il-konsulent mediku kien qallu li l-operazzjoni tkun trid issir madwar sitt xhur wara li jsir it-test tal-MRI.

“Wara l-parir mediku għażilt li mmur l-Isptar Mater Dei biex ningħata l-kura, għax wara kollox jiena nħallas it-taxxi bħal kulħadd” saħaq dan iż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ għamel l-MRI f’Settembru tal-2014 fl-isptar Mater Dei. Iżda mit-test tal-MRI ‘l hawn, iż-żagħżugħ għadu ma ngħata l-ebda informazzjoni dwar meta hemm pjanat li ssirlu l-operazzjoni tal-irkoppa.

“Iċċekkjajt kemm-il darba biex nara fejn wasalna iżda kien kollu għalxejn” żied dan iż-żagħżugħ li spjega dwar kif dejjem kien jgħaddi minn idejn konsulent għall-ieħor.

“Fl-aħħar irċevejt telefonata fejn infurmawni li għandha ssir operazzjoni għad-9 ta’ Mejju li ġej, jiġifieri għada” spjega dan iż-żagħżugħ ma’ il-mument. Hu żied li madanakollu din kienet ferħa bla temma hekk kif b’telefonata oħra ftit tal-ħin wara, infurmawh li l-operazzjoni reġgħet ġiet posposta.

Iż-żagħżugħ ilmenta li sakemm l-operazzjoni reġgħet ġiet posposta, kien diġà informa l-post tax-xogħol fejn jaħdem li kien se jkollu l-operazzjoni u li wara kien se jkollu jieqaf għal perjodu ta’ żmien sakemm jirkupra.

L-ilment ta’ dan iż-żagħżugħ jingħaqad ma’ numru ta’ kummenti oħra li din il-gazzetta rċeviet fl-aħħar jiem mingħand persuni li ilmentaw dwar nuqqas ta’ organizazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-appuntamenti li joħorġu mill-Isptar Mater Dei.