Lokali

L-għoti tal-offerta tqanqal dubji serji dwar kumpaniji fil-konsorzju rebbieħ

Kuntratturi Maltin b’esperjenza diżappuntati u xettiċi dwar kemm il-proġett se jitwettaq skont ir-rekwiżiti riġidi tal-offerta

Kuntratturi Maltin li tkellmu ma’ il-mument dwar il-proġett tal-Kappara Junction urew it-tħassib kemm il-konsorzju rebbieħ hu f’qagħda li jista’ jwettaq dan il-proġett b’suċċess u skont ir-rekwiżiti ċari u riġidi li huma mniżżla fl-offerta.

Din hi offerta maħruġa minn Transport Malta u l-fondi li se jkunu qed jintużaw f’dan il-proġett kbir ġejjin parzjalment minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Jirriżulta li meta nħarġet din l-offerta, setgħu jidħlu għaliha mhux biss kuntratturi Maltin, imma anki kuntratturi barranin li għandhom l-esperjenza meħtieġa f’din l-industrija.

Dan il-proġett hu stmat li se jqum mat-€23 miljun u filwaqt li bħalissa l-konsorzju rebbieħ diġà beda xogħlijiet ta’ tħejjija, ix-xogħol proprju mistenni li jibda fis-sajf li ġej u jieħu madwar sentejn.
Il-konsorzju rebbieħ – SJ Kappara SV – hu ffurmat mill-kumpaniji Maltin Rite Mix, Construct Furniture u Penza Construction flimkien mal-kumpanija Spanjola Construtora San Josè.

Dan il-konsorzju rebbieħ jirriżulta li kkwalifika għar-rebħ ta’ dan il-proġett minħabba li l-offerta tiegħu kienet għadd ta’ miljuni ta’ ewro orħos mit-tieni kompetituri li kien konsorzju ieħor iffurmat minn kumpaniji Maltin, fosthom Polidano Brothers, Bonnici Brothers, Asphaltar Limited u Schembri & Sons Ltd.

Mistoqsijiet dwar kumpaniji li huma parti mill-konsorzju magħżul

Il-kuntratturi li tkellmu ma’ il-mument fissru li jekk wieħed jifli sew il-konsorzju rebbieħ, allura jirrealizza li membri f’dan l-istess konsorzju għandhom nuqqas ta’ kapaċità biex jesegwixxu proġett bħal dan li hu ta’ kobor relattivament kbir għal pajjiżna.

Hu evidenti li l-kumpanija Construct Furniture ma għandha l-ebda esperjenza jew kapaċità fi ħdanha li twassalha biex tieħu sehem f’xi xogħlijiet li huma konnessi ma’ din l-offerta.

Il-kumpanija Construct Furniture għandha rabtiet mal-Partit Laburista u mal-Prim Ministru Joseph Muscat tant li fil-messaġġ tiegħu għall-Ewwel tas-Sena hu għażel proprju li jwassal il-messaġġ tiegħu lill-poplu minn kċina tat-tifel tad-Direttriċi tal-istess kumpanija.

Fl-istess konsorzju hemm involuta wkoll il-kumpanija Penza Construction li fl-aħħar snin kienu kompletament maqtugħa mill-industrija tal-kostruzzjoni tat-toroq. Dan seħħ minħabba l-kumplikazzjonijiet li nqalgħu bir-riżultat tan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ din il-kumpanija li tagħmel b’suċċess ix-xogħol meħtieġ skont l-istandards rikjesti u fil-ħin miftiehem.

Din il-kumpanija kienet involuta fil-kostruzzjoni tat-Triq ta’ Burmurrad li kienet tlestiet b’dewmien esaġerat u li dakinhar kien wassal lil Transport Malta biex tieħu miżuri ta’ dixxiplina kontra l-kuntrattur partikulari li ma kienx żamm mal-kuntratt.

Dubji dwar il-prezz mitfugħ mill-konsorzju SJ Kappara SV

Il-kuntratturi li tkellmu ma’ il-mument komplew li hemm dubji li bil-prezz mitfugħ minn dan il-konsorzju partikulari, l-istess konsorzju se jkun kostrett li jitlob tibdil fir-rekwiżiti tal-kuntratt oriġinali peress li l-kuntratt kien jispeċifika li l-elementi użati jkunu magħmula mill-konkrit.
Hemm suspetti qawwija li alternattiva għal dan jista’ jkun l-użu tal-ħadid u għalhekk jista’ jagħti l-każ li kienet involuta l-kumpanija Spanjola.

Il-kuntratturi li tkellmu b’kunfidenzjalità ma’ il-mument fissru li biex wieħed jifhem tajjeb kemm il-konsorzju rebbieħ ta’ din l-offerta għandu nuqqas ta’ ħila biex iwettaq dan il-proġett jirriżulta wkoll mill-fatt li wieħed mill-membri ta’ dan il-konsorzju meta dan l-aħħar kien qiegħed jagħmel il-preparamenti meħtieġa fuq toroq sekondarji biex iservu bħala toroq alternattivi, sab diffikultajiet kbar.

Xogħol li kellu jieħu lejl wieħed, kellu fil-fatt jinfirex fuq tlett ijiem minħabba nuqqas ta’ kapaċità ta’ dan il-kuntrattur partikulari biex ilesti x-xogħol fil-ħin u kif miftiehem ma’ Transport Malta.
Ta’ min jgħid li saħansitra xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq toroq oħra fil-viċinanzi tal-Kappara Junction kien saru minn kuntratturi oħrajn li ma jagħmlux parti mill-konsorzju rebbieħ.

Iridu jixtru materjal u servizzi mingħand kumpaniji li mhux parti mill-konsorzju

Il-kuntratturi żiedu jgħidu lil il-mument li l-kumpanija Spanjola f’dan il-konsorzju qed tirrealizza s-sitwazzjoni gravi u delikata li jinsab fiha dan il-proġett għaliex saħansitra kienu qed jagħmlu rappreżentazzjonijiet ma’ kumpaniji li ma jiffurmawx parti mill-konsorzju biex jixtru mingħandhom materjal u servizz.

Il-konsorzju Malti b’esperjenza vasta

Min-naħa l-oħra l-konsorzju ffurmat mill-kuntratturi Maltin għandu esperjenza vasta fil-qasam tal-bini tat-toroq u l-pontijiet. Bejniethom dawn il-kuntratturi bnew mill-ġdid it-toroq kollha li jiffurmaw it-TEN-T; jiġifieri t-toroq kollha ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea fi snin mill-għaddew. Dawn huma t-toroq madwar Malta u Għawdex li jibdew mill-Port Ħieles saċ-Ċirkewwa u mill-Imġarr f’Għawdex sar-Rabat, Għawdex.

Riċentement dawn il-kuntratturi u oħrajn Maltin iffurmaw żewġ konsorzja differenti u kienu responsabbli mill-bini tat-Triq tal-Kosta li minn San Ġiljan twassal sa San Pawl il-Baħar.