Lokali

Muscat jibqa’ maqtugħ mir-realtà

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jikkonferma kemm hu maqtugħ mir-realtà tal-poplu Malti u Għawdxi meta bid-diskors tiegħu, għal darb’oħra indika li se jkun qed iħalli l-kwistjoni tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama miftuħa.
 
Dan sostnih il-PN fi stqarrija bi tweġiba għad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fil-Qrendi.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru fil-Qrendi kien hemm il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja Keith Schembri.

Il-Prim Ministru ma rrefera qatt għall-iskandlu tal-Panama u qatt għall-Ministru Konrad Mizzi jew Keith Schembri, li kien propju miegħu għal-laqgħa. Iżda attakka lid-Deputat Nazzjonlaista Tonio Fenech u nsista li Fenech għandu jirriżenja .

Il-PN qal li flok jieħu d-deċiżjonijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jistennieh li għandu jieħu, Muscat għal darb’oħra, fetaħ attakk wara l-ieħor kontra l-Partit Nazzjonalista.

Li jqabbel xogħol professjonali li jagħmel id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech mal-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama waqt li jinsabu fil-poter Keith Schembri u Konrad Mizzi, huwa konferma tal-medjokrità li jinsab fiha Joseph Muscat, sostna l-PN. 
 
Dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa l-Prim Ministru li poġġa lill-istess Leo Brincat fil-pożizzjoni diffiċli li l-ewwel jivvota favur Konrad Mizzi fil-Parlament, u issa se jkollu joqgħod iwieġeb għal għemilu quddiem il-Parlament Ewropew.
 
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-kontrovserja marbuta mal-vaganza tiegħu f’lukanda lussuza f’Dubaj fejn qal li hu lest jippubblika l-irċevuti meta l-Kap tal-Oppozizzjoni jagħmel l-allegazzjonijiet ċari.

Dwar din il-kontrovesja l-PN qal li Muscat għażel li jitkellem ukoll dwar il-vaganza tiegħu f’Dubaj fi żmien l-Għid li għadda. Flok jitkellem, Muscat għandu jippubblika l-irċevuti ta’ din il-vaganza f’waħda mill-aktar lukandi lussużi li jiswew flus f’Dubaj.

Il-PN sostna li aktar ma jgħaddu ġranet aktar il-poplu Malti u Għawdxi qed jagħmel id-distinzjoni bejn Mexxej Laburista li qed imexxi Gvern li qed jegħreq fi kriżi ta’ korruzzjoni, u Kap tal-Partit Nazzjonalista li jmexxi b’politika onesta u fl-interess Nazzjonali.