In-nirien kbar li hemm jaqbdu fil-provinċja ta’ Alberta issa qed jheddu li jinfirxu lejn il-provinċja ta’ Saskatchewan.
Dan hekk kif riħ qawwi sħun mhu qed jgħin xejn biex tiġi kontrollata s-sitwazzjoni u uffiċjali qed ibassru li n-nar se jkompli jaqbad għal diversi xhur.
Is-sitwazzjoni f’Alberta qed titqies bħala l-agħar diżastru naturali fl-istorja reċenti tal-Kanada u diġà wasslet għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn 80,000 persuna minn Fort McMurray wara li n-nirien bdew jeqirdu partijiet mill-belt.
B’kollox hemm 2,000 kilometru kwadru effettwati minn dawn in-nirien.
Għalkemm hemm tbassir ta’ xita għal-lum it-Tnejn, uffiċjali qalu li trid tkun xita qalila u kontinwa beix tagħmel differenza.
S’issa minkejja l-kobor tan-nirien u l-qerda li hemm, ma kien hemm ebda vittmi. F’Fort McMurray hu stmat li madwar 1,600 dar inqerdu.
In-nar jhedded provinċja oħra Kanadiża
