Għada se tkun ippublikata lista oħra, li din id-darba tinkludi informazzjoni dwar xejn inqas minn 200,000 entità li jiffurmaw parti mill-investigazzjoni ‘Panama Papers’.
Din il-lista mistennija tkun l-ikbar waħda fl-istorja f’dak li għandu x’jaqsam żvelar ta’ informazzjoni marbuta ma’ kumpaniji mwaqqfa barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, kif ukoll il-persuni li hemm warajhom.
Fost dawn il-persuni li fl-ewwel lista żvelata minn grupp ta’ ġurnalisti investigattivi nqabdu li ħbew kumpanija fil-Panama, hemm il-Ministru Konrad Mizzi, kif ukoll il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Minkejja li nqabdu jaħbu dawn il-kumpaniji, u saħansitra kisru l-liġi meta ma ddikjarawhomx mal-awtoritajiet tat-taxxi lokali, kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri baqgħu jokkupaw il-karigi tagħhom sal-lum, anki jekk ma waqfux is-sejħiet għar-riżenja tagħhom.
Mistoqsijiet dwar individwi oħra Maltin
Fl-aħħar sigħat kien żvelat ukoll li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandu wkoll it-tieni kumpanija, mhux biss Colson Services Limited imma wkoll Selson Holding Corporation, li hi mwaqqfa fil-British Virgin Islands.
Bħall-Panama, anke dawn il-gżejjer huma magħrufa għas-segretezza u l-ħabi li joffri, u wkoll użati minn numru ta’ kriminali, persuni li jridu jaħbu flushom jew jevitaw li jħallsu t-taxxi.
Din il-kumpanija twaqqfet fl-24 ta’ Jannar 2011 u Keith Schembri rriżenja minnha fis-7 ta’ Mejju 2013. Madankollu fl-istess waqt ta struzzjonijiet biex minfloku jilħaq direttur ġdid u jinħariġlu ċertifikat ġdid tal-ishma li jwassal għal żieda fl-ishma tiegħu, minn sehem wieħed għal 50,000.
L-iżvelar ta’ informazzjoni ġdida mill-ICIJ mistennija tixħet iktar dawl fuq l-operat ta’ persuni bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri barra minn xtutna. Id-dettalji ġodda għandhom jikxfu min huma l-kumpaniji u Maltin oħra b’kumpaniji sigrieti.
Id-dokumenti tal-kumpanija Mossack Fonseca żvelati ftit tal-ġimgħat ilu juru kif jeżistu 676 kumpanija li huma assoċjati ma’ Malta b’indirizz f’pajjiżna. Bejniethom, dawn il-kumpaniji, għandhom l-involviment ta’ 277 azzjonist, 42 klijent u 59 benefiċjarju.
Il-lista li se tkun żvelata għada
L-informazzjoni kollha li mistennija tiġi żvelata għada se tittella’ fuq l-internet f’forma ta’ database li tista’ tiġi aċċessata minn kulħadd. Se tinkudi wkoll aċeess faċli biex wieħed ikun jista’ jara n-netwerks ta’ konnessjonijiet bejn il-kumpaniji u l-persuni li hemm warajhom.
L-aħħar informazzjoni li se tiġi żvelata minn dan il-konsorzju ta’ ġurnalisti investigattivi jkompli jitfa’ dawl fuq l-operat tal-kumpanija Mossack Fonseca, li hi r-raba’ l-ikbar kumpanija tat-tip tagħha fid-dinja. Fid-dawl ta’ dan, l-informazzjoni mistennija tikxef ukoll kumpaniji, trusts u fondazzjonijiet li ġew inkorporati f’xejn inqas minn 21 tax haven, li litteralment tfisser ġenna għal min irid jaħbi flusu.
Id-dettalji li se joħorġu għada se jkunu ppreżentati b’mod interattiv, madankollu jinkludu ċertu restrizzjonijiet bħal dettalji personali ta’ rekords ta’ kontijiet fil-banek tranżazzjonijiet finanzjarji, e-mails u korrispondenzi kif ukoll passaporti u numri tat-telefown u mowbajl. Dan ifisser li mbagħad iridu jkunu l-awtoritajiet relevanti ta’ kull pajjiż li jmexxu l-investigazzjonijiet tagħhom.
Madankollu dan m’għandux ikun diffiċli hekk kif is-sors anonimu li aċċessa d-dokumenti u għaddihom lill-ġurnalisti investigattivi, qed joffri li jgħaddihom lill-gvernijiet li jitolbuhom biex imexxu l-investigazzjonijiet.
Is-sors, magħruf biss bl-isem fittizju ‘John Doe’, qal lill-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung u l-International Consortium of Investigative Journalists li qed jagħmel dan fl-isfond tal-inugwaljanza li teżisti madwar id-dinja, filwaqt li appella lill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż biex jindirizzaw dan.
L-awtoritajiet Maltin assenti fl-investigazzjonijiet ta’ persuni msemmija fil-‘Panama Papers’
Madankollu, u minkejja li pajjiżna hu nvolut sew f’dan l-iskandlu, inkluż bl-involviment tal-eqreb persuni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-awtoritajiet Maltin baqgħu totalment assenti minn dan il-każ u naqsu milli jiftħu investigazzjoni.
Mhux magħruf għalhekk jekk il-Gvern Malti jew l-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżna hux se jitolbu aċċess għad-dokumenti ġodda. Iżda l-investigazzjonijiet tal-gazzetta Süddeutsche Zeitung, sħab tagħha madwar id-dinja kif ukoll entitajiet li qed jaħdmu mal-konsorzju tal-ġurnalisti investigattivi diġa’ għamluha ċara li ħidmiethom u l-investigazzjonijeit f’dan ir-rigward se jkomplu.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat, wara li kienet żvelata l-ewwel parti tal-investigazzjoni u d-dokumenti sensittivi, sar magħruf l-involviment ta’ politiċi (inkluż il-Ministru Konrad Mizzi), persuni involuti politikament (fosthom Keith Schembri), ċelebritajiet kif ukoll kriminali u gruppi li jaħdmu fil-kriminalità u t-terroriżmu madwar id-dinja.
Inkixef ukoll ir-rwol attiv ta’ banek ewlenin li ħadmu biex iffaċilitaw is-segretezza u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll sar magħruf kif kumpaniji u individwi li jinsabu fuq il-lista s-sewda mill-Istati Uniti u pajjiżi oħra għar-relazzjoni tagħhom fit-terroriżmu, traffikar tad-droga u reati kriminali oħra, irnexxielhom iwettqu kummerċ grazzi għal ġurisdizzjonijiet barra mill-pajjiż.
Dan l-iskandlu tant hu xokkanti li wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Iżlandiż Sigmundur Davíð Gunnlaugsson u l-Ministru Spanjol Jose Manuel Soria. F’ħafna pajjiżi saru protesti filwaqt li numru kbir ta’ pajjiżi, inkluż il-Panama stess, fetħu investigazzjonijiet fuq l-operat tal-entitajiet u l-persuni li jew huma involuti f’dan l-iskandlu, inkella hemm dell fuqhom.
Fl-Istati Uniti, il-Prim Ministru Barack Obama saħansitra ddeskriva l-ġurisdizzjonijiet sigrieta li jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa bħala “problema kbira” u ta x’wieħed jifhem li se jaħdem għal tibdil fil-liġi meta qal li “ħafna minn dan għadu sa llum legali, u dik il-problema. Mhux jinkisru l-liġijiet propju għaliex il-liġijiet huma maħsuba b’mod ħażin.”
Għall-kuntrarju, f’Malta ma seħħ xejn minn dan, anzi l-Prim Minsitru Joseph Muscat sejjaħ għal mass meeting ta’ appoġġ filwaqt li ħarab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u nħeba wara reshuffle finta li ma ġab l-ebda tibdil, ħlief li saħħaħ lill-Ministru Konrad Mizzi u żamm liċ-Chief of Staff Keith Schembri.
//= $special ?>