Is-sitwazzjoni fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei hi akuta ħafna bit-tobba u l-infermiera jistqarru li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda qawwija tax-xogħol. B’riżultat ta’ dan qed ikollu tbati l-kwalità tal-attenzjoni u l-kura li tingħata lill-pazjenti.
Tobba u infermiera li tkellmu ma’ il-mument stqarrew li filwaqt li l-għadd ta’ riżorsi umani fit-Taqsima tal-Emerġenza hu limitat, minħabba din is-sitwazzjoni diffiċli ta’ xogħol, bosta huma t-tobba u l-infermiera li qed jitolbu trasferiment għal xi taqsima oħra fl-Isptar Mater Dei. Hemm min saħansitra li qiegħed jikkunsidra li jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u jmur jaħdem fil-privat jew inkella barra minn Malta.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li hi l-prassi ta’ kuljum fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei li l-volum tax-xogħol ikun qawwi ħafna. Dan japplika wkoll għar-rigward tas-sejħiet għall-ambulanzi.
Dan kollu qiegħed iwassal biex tinħoloq pressjoni kbira u żejda fuq l-istaff diġà mgħobbi żżejjed. Jirriżulta li ta’ kuljum – medja – jidħlu jew jiddaħħlu mat-300 pazjent fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dawn ikollhom problemi varji ta’ saħħa u jkunu jenħtieġu kura personalizzata tant li wħud minnhom jinżammu għal aktar kura.
Ċirkolari lit-tobba u lill-infermiera
Fil-jiem li għaddew inħarġet ċirkolari, iffirmata minn Ivan Falzon, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Isptar Mater Dei, bit-titlu ta’ ‘Ordni Eżekuttiva’. F’din iċ-ċirkolari, bit-tema ‘Full accountability of A&E process’ lit-tobba u lill-infermiera kollha tingħadilhom twissija diretta biex josservaw ir-regolarment tas-sistema tat-tracking fir-rigward tal-pazjenti li jgħaddu mit-Taqsima tal-Emerġenza.
Jingħad f’din iċ-ċirkolari li b’effett mit-18 ta’ April 2016, din il-pressjoni fuq it-tobba u l-infermiera kellha tkompli tiżdied billi fi żmien ta’ inqas minn 30 minuta minn meta l-pazjent jirreġistra fl-Emerġenza, dan ikun beda trattat mit-tobba u l-infermiera.
Iċ-ċirkolari twissi li dan irid ikun applikat b’mod sodisfaċenti għal mill-inqas 95 fil-mija tal-każi li jidħlu fl-Emerġenza.
Ivan Falzon jgħid ukoll lit-tobba u lill-infermiera li jservu fid-Dipartiment tal-Emerġenza li kemm-il darba dawn ir-regolamenti ma jkunux osservati b’mod riġidu, allura jittieħdu l-passi fil-konfront ta’ min jonqos.
Jitolbu biex jiżdiedu r-riżorsi umani
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument saħqu li fl-isfond tal-pressjoni kbira li għandhom huma bħala tobba u infermiera fit-Taqsima tal-Emerġenza, aħjar min qiegħed imexxi l-isptar jara kif se jżid ir-riżorsi umani biex ix-xogħol isir bħan-nies filwaqt li l-pazjenti jingħataw ukoll il-kura personalizzata li jkun jimmeritahom.
L-istess sorsi komplew li minn fuq, it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei tkompli titfa’ aktar pressjoni fuqhom bi proċeduri burokratiċi meta f’ħafna mill-każi li jidħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza l-aktar fattur importanti jkun il-kura minnufih li jingħataw il-pazjenti.
Tobba u infermiera urtati
L-istess sorsi komplew jistaqsu jekk dawn il-proċeduri burokratiċi ġodda kenux introdotti biex tinħoloq vakanza ta’ Flow-Nurse li fil-fatt inħolqot u hi okkupata minn persuna fil-familja ‘Tagħna Lkoll’. Jirriżulta li din is-sistema burokratika ġdida li qed turta lit-tobba u lill-infermiera ddaħħlet b’mod sperimentali għal sitt xhur.
Is-sorsi ta’ il-mument temmew li l-persuni li jridu jmorru jservu fid-Dipartiment tal-Emerġenza huma ftit ħafna u dan minħabba l-volum qawwi tax-xogħol u l-pressjoni kbira li dan ix-xogħol iġib miegħu. Dan kollu jfisser li min qiegħed imexxi l-Isptar Mater Dei għandu japprezza x-xogħol li jagħmlu t-tobba u l-infermiera li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma bħal dawk ta’ kollegi li jservu fis-swali.
//= $special ?>