Xi ħadd mhux magħruf wettaq att vandalu fuq karrozzi tad-deputat Nazzjonalista Kristy Debono u tar-raġel tagħha JeanPierre Dobono, li hu assistent Segretarju Ġenerali tal-PN. Il-vetturi tat-Tip Toyota Vitz u Nishan Qashqai sfaw vandalizzati matul il-lejl li għadda.
Iż-żewġ vetturi fihom grif u daqqiet fuq is-saqaf kif ukoll infaqa’ l-windscreen ta’ wara ta’ waħda mill-karrozzi. Minbarra l-vandaliżmu, fuq karrozza minnhom, tpinġew ġesti oxxeni u anke ntefa’ bajd.
Bil-każ kienet infurmata l-pulizija ta’ San Ġiljan li qed tinvestiga dan l-inċident.
Intant l-Ispeaker Anġlu Farrugia fi stqarrija qal li f’ismu u f’isem il-Membri tal-Kamra tad-Deputati, jixtieq jesprimi solidarjetà ma’ Kristy Debono MP wara l-aħbar tal-att vandalu li sar mal-vettura tagħha u dik tal-familja tagħha.
L-Ispeaker jawgura li l-investigazzjonijiet tal-pulizija jwasslu biex jinqabad min wettaq dan l-att kodard.
Anke l-Partit Laburista ikkundanna dan l-att.
//= $special ?>