Minkejja li pajjiżna jgħaddi żminijiet twal aljenat jiddibatti dwar il-qagħda politika tal-pajjiż, li jekk nammettu matul dawn l-aħħar xhur kienet taħraq aktar milli nistennew f’leġiżlatura ordinarja, hemm mumenti meta Malta tegħleb id-dikotomija politika u tintilef f’dak li verament jgħaqqadna.
Mingħajr dubju, ftit ġimgħat biss qabel tibda l-kompetizzjoni tal-Euro Cup, li fiha allura nerġgħu ninqasmu mill-ġdid f’Taljani u Ingliżi, waqt li neliminaw il-ftit li jissapportjaw pajjiżi oħra bħall-Ġermanja u Spanja fost oħrajn, l-avveniment tal-Eurovision huwa mument li fih Malta tkun bi ħġarha ssegwi lir-rappreżentanti Maltin bit-tama li niksbu s-suċċess li tant u tant ilna nistennew, dan is-suċċess li jekk inkunu onesti, imma ma nkunux qed inħallu d-demm jissupera r-raġuni, naslu għall-konklużjoni li jixirqilna niksbuh.
Matul l-ewwel semifinali tal-Eurovision il-poplu Malti kien litteralment qed jittertaq minn ġewwa, mhux biss għax kellu jistenna sal-aħħar kanzunetta sabiex jisma’ l-prestazzjoni eċċezzjonali tal-kantanta Maltija Ira Losco imma għax finalment, Malta kellha tkun ukoll l-aħħar pajjiż li ssieħbet lil 9 oħra sabiex tagħmilha għall-finali tas-Sibt li ġej.
Il-kummenti fuq il-midja soċjali waqt u wara l-Eurovision kienu lkoll jixhdu l-ewforija tal-Maltin saħansitra minn qabel tkantat l-ewwel kanzunetta, u kumment li tassew laqatni kien litteralment jafferma li mat-tħabbira li Malta għamlitha, ġiet evitata ‘traġedja nazzjonali’, li għalkemm il-kumment minnu nnifsu huwa aktarx iperboliku, daqstant ieħor huwa reali.
Malta, tul dawn il-jiem tal-Eurovision tiddependi għal kollox fuq is-suċċess li tikseb. Fl-eventwalità li Malta tfalli, ikun donnu waqa’ star sewdieni fuq dil-gżira li jħallilha togħma qarsa li ttul sena. Għalhekk, tul it-tliet minuti li Ira Losco mxiet fuq l-ilma, Ira ċertament kienet imwieżna b’poplu ossessjonat bil-Eurovision daqskemm huwa ossessjonat bil-politika u l-futbol.
Għalkemm id-diviżjoni politika tinħass kontinwament, b’botta u risposta minn partit għal ieħor, dan kien mument li fih qalb kull Malti ħabbtet bl-istess ritmu, ma’ kull sillaba li dwiet fi Stokkolma u li jekk ikolli ngħid, għadha qed tidwi fl-immaġinazzjoni tal-imħuħ aħna u naraw lil Malta tirbaħ il-Eurovision.
Rebħa għal Malta, possibbilment tagħtina festa nazzjonali oħra. Ma għandix dubju li hawnhekk ikun hawn qbil unanimu bejn iż-żewġ naħat tal-kamra! Jaqblu wkoll dawk li jżommu mat-Taljani u l-Ingliżi u l-bqija…
Ira, Malta warajk!
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-8 distrett.
//= $special ?>