Il-PBS illum irrapporta li ħarġu d-dokumenti l-ġodda tal-Panama Papers – xi ħaġa li hija totlament żbaljata. Tant li l-aħbar tneħħiet mill-website siegħa wara.
Dan is-sit hu infurmat li din l-istorja nkitbet b’mod dirett mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja.

Dalgħodu, il-website tal-PBS kienet qed tirreferi għal lista li ilha ġimgħat li ħarġet. Tant li l-ismijiet imniżżla fir-rapport ilhom pubbliċi, u huma magħrufa bħala Offshore Leaks – xi ħaġa li m’għandha x’taqsam xejn mal-Panama Papers.
Id-dokumenti l-ġodda li se jippubblika l-ICIJ mistennija jkunu magħrufa aktar tard illejla. Dawn id-dokumenti se jikxfu mal-200,000 isem ta’ entitajiet u kumpaniji li jidhru fil-Panama Papers.
Ironikament, il-PBS kien ilu żmien twil jinjora l-kobor ta’ dan l-iskandlu internazzjonali, tant illi l-għada li ħarġu l-Panama Papers, fil-programm TVAM kienu iddiskutew iċ-ċedoli tal-PN. Illum, b’għaġla kbira, il-PBS ħareġ din l-aħbar li mhi aħbar xejn, anzi żball oħxon!
L-uniċi media li rrappurtaw din il-lista li mhi aħbar xejn huma tvm.com.mt, il-website tas-Super One u l-Blog ta’ Glenn Bedingfield. Il-PBS neħħa l-aħbar.



