Lokali Parlament

Dak li seħħ fil-Parlament meta l-Ministru Konrad Mizzi ma vvutax fil-mozzjoni ta’ sfiduċja kontrih se jkun diskuss fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra se jiddiskuti meta jerġa’ jiltaqa’, il-kwistjoni mqajma mill-Oppożizzjoni fis-seduta parlamentari tal-lejla, b’rabta ma’ dak li seħħ fl-aħħar vot li ttieħed fil-Kamra meta l-Ministru Konrad Mizzi kien preżenti fil-Kamra u ma ħax sehem fil-votazzjoni.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, irrimarka dwar dak li ġie miktub fil-minuti dwar il-votazzjoni li saret meta l-Kamra fil-bidu tas-seduta tal-lejla ġiet biex tapprova l-minuti ta’ dak li seħħ fl-aħħar seduta ta’ nhar l-Erbgħa, b’mod partikolari fil-votazzjoni li saret fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrimarka li l-minuti huma korretti u jirreferu għad-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru Konrad Mizzi qabel ma ttieħed il-vot fil-Parlament fil-mozzjoni ta’ sfiduċja kontrih.

David Agius irrimarka mal-President tal-Kamra Anġlu Farrugia, li l-Kamra għandha tkun ċara f’sitwazzjoni simili għal dik li seħħ fil-Kamra tad-Deputati meta membru, fil-każ tal-aħħar seduta l-Ministru Konrad Mizzi, li ddikjara li mhux se jeżerċita d-dritt li jivvota u baqa’ fil-Kamra, u ma vvutax.

David Agius qal li f’dik iċ-ċirkustanza, il-Ministru Konrad Mizzi seta’ astjena wkoll ladarba ma riedx jivvota favur jew kontra. Appella lill-Kamra biex il-proċedura li għandha ssegwi f’dik iċ-ċirkustanza tkun ċara għaliex filwaqt li nhar l-Erbgħa ma kienx hemm diffikultà minħabba l-maġġoranza ta’ deputati li għandu l-Gvern, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk il-maġġoranza bejn Gvern u Oppożizzjoni tkun ta’ membru wieħed.

Bl-Ispeaker jirrimarka li l-Whip tal-Oppożizzjoni għandu raġun iressaq din ir-rimarka, il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, ssuġġerixxa li dan il-punt imqajjem jingħata aktar ħsieb u jkun trattat fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.