Is-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru Muscat, Michelle Buttigieg, qed tirċievi salarju ta’ €61,000 fis-sena. Dan is-salarju qawwi ilu jingħata mit-3 ta’ Marzu tal-2014, aktar minn sentejn u xahrejn, u jlaħħaq għal salarju ta’ €5,083 fix-xahar.
Michelle Buttigieg, li hi minn Għawdex u tgħix fl-Istati Uniti, ilha għal snin twal sieħba fin-negozju ma’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, f’negozju marbut ma’ bejgħ ta’ ġojjellerija.
Is-salarju għoli li tingħata s-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru Muscat, kien ikkonfermat fil-Parlament illejla mill-Ministru Edward Zammit Lewis għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament wara li l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni ddikjara li informazzjoni li talbet il-gazzetta The Times b’rabta mas-salarju ta’ Michelle Buttigieg bħala r-rapreżentanta tal-MTA fi New York, għandha tiġi ppubblikata.
Il-Gvern kien qiegħed jirrifjuta li jippubblika l-informazzjoni bl-iskuża li l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali.
Wara d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni, il-Ministru Edward Zamit Lewis poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn l-MTA u Michelle Buttigieg. Il-Gvern appella mid-deċiżjoni tal-Kummissarju Saviour Cachia.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega fil-Parlament, li Michelle Buttiġieġ mhix envoy, jew f’xi forma ta’ impjieg mal-Awtorità, imma professjonista fit-turiżmu li s-servizzi tagħha ġew ingaġġati lokalment fi New York sabiex tirrappreżenta l-MTA fil-marketing u promozzjoni ta’ pajjiżna fil-kontinent Amerikan.
Il-Ministru Zammit lewis qal li fl-aħħar sentejn, ġiet stabbilita r-rappreżentanza tal-MTA fi New York b’ impatt mal-kommunità tal-aġenziji tal-ivvjaġġar fl-Amerika, u żidiet sostanzjali mis-Suq Amerikan.
//= $special ?>