Editorjal

EDITORJAL: Joseph Muscat ma jismax għax kompliċi

Il-Partit Nazzjonalista għadu kemm nieda messaġġi ġodda fuq il-billboards li kellu jtella’ madwar il-pajjiż biex iwassal il-messaġġ tiegħu – kif inhu d-dritt tiegħu – f’nofs il-kriżi kbira ta’ korruzzjoni li qed tolqot il-pajjiż. Il-messaġġ hu ċar: Joseph Muscat isodd widnejh; ma jisimgħekx u ma jridx jisimgħek.

Opinjoni pubblika ċara fuq idejh it-tnejn
Li għandna l-aktar Gvern korrott li qatt kellna fl-istorja politika tagħna hu fatt li joħroġ imqar mill-involviment tiegħu fl-akbar skandlu dinji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus ġejjin mill-kriminalità; l-iskandlu tal-Panama. Li ilna bl-opinjoni pubblika tgħid ċar li jdejn il-Prim Ministru t-tnejn f’Kastilja Keith Schembri u Konrad Mizzi, messhom irriżenjaw mill-ewwel u, jekk le, Joseph Muscat messu tajjarhom mill-ewwel joħroġ minn għadd ta’ stħarriġiet tal-opinjoni pubblika.

Promotion flok tkeċċija lil idu x-xellugija
Din mhijiex biss l-opinjoni ġenerali imma wkoll dak li qalu Deputati Laburisti, anke jekk xħin ġew għall-vot għamlu l-maqlub ta’ li qalu. Joseph Muscat kien wiegħed li se jagħti kasha lill-opinjoni pubblika. Imma mhux talli ma semax mill-opinjoni pubblika, talli ta promotion lil Konrad Mizzi għal Ministru speċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Keith Schembri wkoll, baqa’ l-prim ministru wara l-Prim Ministru.

Il-loġika: isodd widnejh għax kompliċi
Għaliex qed isodd widnejh, Joseph Muscat? Għaliex ma jridx jisma’? Il-konklużjoni loġika hi: għax hu kompliċi. Kieku mhux kompliċi, żgur kien jisma’. U kieku mhux kompliċi żgur seta’ jisma’; anke jekk issa l-maġġoranza tiegħu fil-Parlament naqset, xorta ma kienx se jġib lill-Gvern tiegħu f’xi instabilità kieku wettaq dak li wiegħed.

Il-gideb ta’ Muscat jikkonferma li hu kompliċi
Hu ċar għal min jirraġuna bil-loġika li anke l-fatt li Muscat ma jridx jisma’ minn opinjoni pubblika ċara jikkonferma li hu kompliċi. U li hu kompliċi ilu jiċċara dejjem aktar b’dak li Muscat għamel f’dawn l-aħħar xahrejn u nofs. Il-gideb ovvju ta’ Joseph Muscat f’dawn ix-xahrejn jikkonferma li hu kompliċi. X’qed jigdeb jagħmel li sħabu ma kisrux il-liġi meta hu ovvju li kisru żgur il-liġi tat-taxxa u l-Pulizija għandha fuqiex tinvestigahom fuq l-elementi ta’ ħasil ta’ flus? Hu loġiku li Muscat kompliċi għax hu evidenti li jdejh it-tnejn qalulu: jew intiru t-tlieta, inkella ħadd minna.

Kumpanija korrotta b’uffiċċju f’Kastilja
X’qed tagħmel Mossack Fonseca f’Malta minn wara l-elezzjoni rappreżentata hawnhekk minn ħabib personali ta’ Joseph Muscat u li jpoġġi f’Kastilja stess? Barra minn Malta jirrejdjaw l-uffiċini tal-kumpanija korrotta Mossack Fonseca, imma f’Malta Mossack Fonseca għandha uffiċċju f’Kastilja. Ir-raġuni turi l-kompliċità.

Imminar tal-istituzzjonijiet
Għandna l-istituzzjonijiet immewtin. Il-Pulizija jeħtieġu indipendenza u qawwa għax lil min iridu jinvestigaw iridu jmorru għalih Kastilja, Imma f’nofs dan l-iskandlu kbir tilfu Kummissarju ieħor u issa Joseph Muscat bir-rekord ta’ ħames Kummissarji fi tliet snin. Mewwet il-Korp tal-Pulizija; ħaġa li wkoll turi l-kompliċità.

Bil-Malti ngħidu ‘minn ewl id-dinja’ li jsodd widnejh: naturali li ma jridx jisma’, għax kompliċi.