Internazzjonali

Ekonomisti madwar id-dinja jikkundannaw l-kontijiet sigrieti

Aktar minn 300 ekonomista ewlieni minn madwar id-dinja ffirmaw ittra fejn iħeġġu l-mexxejja madwar id-dinja li din il-ġimgħa se jiltaqgħu f’summit f’Londra kontra l-korruzzjoni, biex jgħarfu li m’hemm ebda benefiċju ekonomiku minn dawk li jissejħu tax havens – postijiet madwar id-dinja fejn wieħed jista’ legalment imma segretament jiddeposita l-flus biex jevita t-taxxa f’pajjiżu.
F’din l-ittra, l-ekonomisti ewlenin ta’ madwar id-dinja ħeġġew li s-segretezza li hemm madwarhom jitneħħa.
Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron kien qabel sena ilu li jorganizza dan is-summit imma hu issa jinsab taħt kritika peress li hemm numru ta’ territorji Ingliżi madwar id-dinja li jippermettu li wieħed jiddeposita flus b’mod sigriet.
Fost dawk li ffirmaw l-ittra hemm ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Ekonomija tas-sena li għaddiet, Angus Deaton, kif ukoll Jeffrey Sachs, konsulent ta’ Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u Olivier Blanchard, l-ekskap ekonomista tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
Sachs qal li mill-każ tal-Panama Papers, wieħed jara li dawn il-postijiet huma sempliċement postijiet għall-illegalitajiet u hemm bżonn li dan jieqaf, għalkemm hu kien pessimist lif is-summit tal-Ħamis ikun hemm xi żblokk fis-sitwazzjoni. Dan minħabba l-pressjoni min-nies sinjuri biex is-sistema tibqa’ kif inhi.
Fl-ittra qalu li kieku dawn il-flus li hemm depositati jiġu ntaxxati, l-ekonomija tieħu spinta kbira u jkun jista’ jsir ħafna ġid.