Futbol Sport

Iktar unuri għal Ranieri

Il-kowċ Taljan ta’ Leicester City Claudio Ranieri l-bieraħ kien Ruma biex jirċievi premju ieħor, il-premju Enzo Beazot bħala l-aqwa kowċ Taljan tal-istaġun.

Ranieri għadu kif iċċelebra r-rebħ tat-titlu Ngliż ma’ Leicester City, wara li kontra kull previżjoni l-Foxes rebħu l-kampjonat għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Claudio Ranieri deher ferm emozjonat wara li rċieva l-premju u qal li għadu ma jridx jemmen li dak li seħħ hu realta’. Ranieri qal lill-ġurnalisti wara ċ-ċerimonja li l-għan tagħhom kien li jevitaw ir-relegation kmieni kemm jista’ jkun, u spiċċaw biex rebħu l-kampjonat.

Ranieri qal li jħossu ferm onorat li qed jingħata dan il-premju msemmi għall-mibki Enzo Bearzot li kontra kull mistenni fl-1982 wassal lit-tim nazzjonali Taljan biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fi Spanja.

Dan il-premju twaqqaf ħames snin ilu, sena wara li miet Enzo Bearzot fl-2010. Ranieri qal li jħossu iktar onorat li ħafna kritiċi jxebbħuh ma’ Bearzot, għaliex jgħidu li hemm xebħ kbir fl-istil ta’ logħob tiegħu u ta’ Bearzot. Ranieri stqarr li qatt ma kellu x-xorti li jiltaqa’ miegħu.

Claudio Ranieri qal li minkejja dan is-suċċess hu mhux se jinbidel u lanqas mhu se jinsa l-passat tiegħu. Ranieri qal li fil-ħajja ma tridx taqta’ qalbek. Hu qal li qatt ma jista’ jinsa l-ewwel esperjenza pożittiva bħala kowċ mat-tim ta’ Cagliari, fejn Ranieri wara karriera ta’ plejer medju, beda l-avventura bħala kowċ.

Carlo Tavecchio Presidnet tal-FIGC qal li jixtieq li xi darba jara lil Claudio Ranieri jmexxi lit-tim nazzjonali Taljan lejn ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.

Ir-rebbieħa l-oħra ta’ dan l-unur kienu Cesare Prandelli (2011), Walter Mazzarri (2012), Vincenzo Montella (2013), Carlo Ancelotti (2014) u Massimiliano Allegri (2015).

Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-eks captain tat-tim rebbieħ tal-1982 Dino Zoff, kif ukoll l-eks President ta’ Ferrari Luca Cordero di Montezemolo. Montezemolo llum imexxi l-applikazzjoni ta’ Ruma għall-Olimpijadi tas-sena 2024, u qal li jixtieqli jaħtar lil Ranieri bħala Ambaxxatur ta’ din l-applikazzjoni.

Monetezemolo qal li hemm tliet raġunijiet li Ranieri għandu jkun ambaxxatur tal-applikazzjoni ta’ Ruma. Hu qal li Ranieri ilu klijent kbir ta’ Ferrari, fejn isuq mudel iswed, hu mwieled Ruma, u fuq kollox hu simbolu ta’ Taljan rebbieħ.