Internazzjonali

Il-Kenja se tagħlaq il-kampijiet tar-refuġjati

Somali refugees wait in line for handouts from the World Food Programme to be distributed at Hagadera camp in Dadaab in Kenya's northeastern province

Il-Gvern tal-Kenja ħabbar li kien se jagħlaq il-kampijiet kollha tar-refuġjati fil-pajjiż. Pass li se jeffettwa lil 600,000 refuġjat, fil-maġġoranza mis-Somalja.
Il-Gvern tal-Kenja qal li qed jieħu dan il-pass kemm minħabba raġunijiet ekonomiċi imma wkoll ta’ sigurtà wara li dan l-aħħar inkixef kif il-militanti Iżlamiċi tal-al-Shabab kienu qed jużaw il-kampijiet fil-pajjiż bħala bażi għall-attakki fil-Kenja.
Il-pajjiż diġà s-sena li għaddiet kien ipprova jieħu pass simili wara li kienu naqsu sew il-provvisti tal-ikel għar-refuġjati, imma wara medjazzjoni min-Nazzjonijiet Uniti dawn il-kampijiet inżammu miftuħa.
Imma din id-darba osservaturi qalu li diffiċli li tiġri peress li l-awtoritajiet fil-Kenja diġà bdew jevakwaw il-kampijiet.
Il-Gvern fil-Kenja kien iffirma ftehim mal-Gvern fis-Somalja biex jekk iridu dawk ir-refuġjati fis-Somalja setgħu jirritornaw f’pajjiżhom. Il-Gvern ma ħabbarx data sa meta l-kampijiet tar-refuġjati fil-pajjiż kienu se jingħalqu, imma qal li ried li dan iseħħ fl-iqsar żmien possibbli.