Il-Parlament Malti llejla fakkar is-66 anniversarju mid-dikjarazzjoni tal-1950 ta’ Robert Schuman, meqjus bħala wieħed mill-fundaturi tal-UE b’viżjoni biex l-istati Ewropej jingħaqdu f’komunità waħda magħquda.
Din il-kommemorazzjoni saret fl-Aġġornament tal-lejla, bil-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqsmu l-ħin tal-aħħar 30 minuta tas-seduta tal-lejla biex titfakkar id-dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, f’isem l-Oppożizzjoni, sellem id-dikjarazzjoni tal-Ministru Franċiż Robert Schumann u qal li dan hu dak li għamel l-UE – stati kburin li qed jaħdmu flimkien għall-popli tagħhom. Hu anniversajru wkoll tal-mewt ta’ Aldo Moro, statista li jagħlaq 38 sena mejjet wara l-attakk terroristiku li seħħ kontra ħajtu, u wkoll il-ġurnata ta’ għeluq snin il-mejjet Raymond Caruana li nqatel fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja f’Diċembru tal-1986, li flimkien ma’ Aldo Moro l-memorji u l-legat tagħhom jibqgħu jgħixu għaliex l-attakk fuq ħajjithom kienet turija ta’ unifikazzjoni.
Apprezzament u tislima lill-viżjonarji Maltin favur is-sħubija fl-UE
Ryan Callus sellem lill-viżjonarji Ewropej għaliex iż-żgħażagħ illum ma jafux x’inhuma gwerra għax jafu biss Ewropa magħquda.
Sellem ukoll lill-mexxejja Maltin li ħadmu favur il-viżjoni Ewropea u esprima apprezzament speċjali lil Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil li flimkien ma’ oħrajn taw kollox biex pajjiżna jissieħeb kif jixraqlu fl-UE u jieħu postu mas-27 stat membru ieħor.
Fakkar kif l-istati kollha fl-UE huma ugwali kif esperjenzat Malta fl-aħħar 12-il sena, fejn bħala l-aktar pajjiż ċkejken ħadem u mar lil hinn miċ-ċokon tiegħu.
Fit-12-il sena ta’ sħubija Malta, ma beżgħatx turi d-diżapprovazzjoni tagħha f’ċertu deċiżjonijet u kienet persistenti u ħadmet ukoll b’suċċess.
Fost is-suċċessi, id-Deputat Nazzjonalista semma s-sitt siġġu li Malta kisbert fil-Parlament Ewropej u l-fondi ta’ biljun u kwart ta’ ewro li ġew negozjati minn Lawrnece Gonzi bħala Prim Ministru.
Il-PL għandu jkun grat għad-deċiżjoni tal-poplu favur l-Ewropa
Awgura li l-Partit Laburista tgħallem kemm kien żbaljat bil-pożizzjoni li jkun kontra li pajjiżna jissieħeb fl-UE, u li jifhem dwar kemm kien kruċjali li l-poplu vvota favur l-UE. Appella lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg biex ikun grat għad-deċiżjoni li ħa l-poplu favur is-sħubija għaliex illum hu fdat biex jamministra dawn il-fondi li dwarhom hu wkoll kburi l-poplu Malti kollu.
Ryan Callus tkellem dwar kif il-pajjiż u l-poplu nbidel fit-12-il sena li għaddew. Inbidel ukoll min tkellem kontra l-UE. Waqt li fakkar kif Malta wkoll għaddiet mill-kriżi ekonomika dinjija u llum għaddejjin ukoll mill-esperjezza ta’ instabbilità fil-Libja u fis-Sirja, u mill-isfida tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u fl-Ewropa, Ryan Callus tkellem ukoll dwar l-isfida tar-referendum fl-Ingilterra bil-possibbiltà li l-Ingilterra ma tibqax fl-UE.
Faħħar l-inizjattiva li qed tieħu l-Membru Parlamentari Ewropej Roberta Metsola li qed tipproponi soluzzjoni ħolisitka għall-isfida tal-immigrazzjoni fen jeħtieġ li kull stat membru jerfa’ r-responsabbiltà b’dinjità sħiħa lejn il-bniedem. Appella wkoll biex l-UE wkoll ma titħalliex waħedha għaliex din hi sfida globali, b’Malta u l-UE għandhom ikunu minn ta’ quddiem fl-eżempju quddiem din l-isfida.
Irrifera wkoll għall-paċi relattiva fil-kontinent Ewropew quddiem il-fenomenu tat-terroriżmu. Waqt li sellem lill-vittmi f’Pariġi u Brussell, Ryan Callus appella għal aktar koperazzjoni għal rispons kordinat quddiem it-theddida tat-terroriżmu.
L-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi jtappan il-presidenza ta’ pajjiżna
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni rrifera wkoll għall-presidenza ta’ Malta fis-sitt xhur li jibdew f’Jannar li ġej. Sejjaħ il-presidenza bħala opportunità għal pajjiżna li tinfluwenza pajjiżi oħrajn fl-UE. Appella lill-Gvern ikompli jsaħħaħ l-Ambaxxati u jagħti l-opportunità lil kul min irid jagħti kontribut.
Ikkritika lill-Gvern li l-pożizzjoni li ħa quddiem l-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri qiegħed itappan il-politika ta’ Malta u awgura li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex dan ma jtellifx mis-suċċess tal-presidenza.
Appell lill-Gvern ma jitlifx aktar fondi Ewropej
Appella wkoll lill-Gvern ma jitlifx aktar fondi tal-UE bħalma ġara fil-fondi allokati għal Triq il-Kosta, għall-porġett taċ-Ċittadella u għall-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi.
Semma wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision u awgura li dan l-avveniment Ewropew jgħaqqadna bħala Ewropej u bħala Maltin waqt li awgura kull suċċess kif jixraq lill-Ambaxxatriċi ta’ Mata fil-Eurovision u lil pajjiżna.
Ian Borg l-uniku membru parlamentari li ma vvutax fir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta
F’isem il-Gvern, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg irrifera għall-aspett kommemorattiv tal-paċi u l-unità fl-Ewropa u l-aspett simboliku li l-Ewropej irawmu l-unità bejn il-popli tal-kontinent Ewropej.
Fisser li għandna nkunu kburin ukoll li l-mexxejja Ewropej u l-fundaturi tal-Ewropa impenjaw ruħhom li l-politka tkun imsejsa fuq id-djalogu, il-konsultazzjoni u l-proċess leġiżlattiv permezz tal-istituzzjonjiet Ewropej u mhux ta’ gwerer.
Dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE qal li hu l-uniku membru fil-Kamra li ma vvutax fir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE minħabba l-età tiegħu. Semma li l-fatti llum juru li Malta hi fost il-popli l-aktar pożittivi dwar l-UE u llum id-dibattitu hu dwar min hu l-aħjar għall-akkwisti ta’ pajjiżna bil-fondi Ewropej.
Fisser li Malta ma tilfitx finazjament Ewropej u elenka numru ta’ proġetti li qed iwettaq il-Gvern b’fondi Ewropej waqt li qal li l-Gvern se jkun fost l-aktar pajjiżi Ewropej li assorba fondi Ewropej.
Il-Gvern se jkun qed iħabbar aktar proġetti b’fondi Ewropej
Semma li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar aktar proġetti b’fondi Ewropej li għaddew mill-fażi ta’ skrutinju.
Dwar il-presidenza ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-Gvern żied in-nies fir-rappreżentanza permamenti biex jilqgħu għal din l-isfida u spjega li bħalissa qed isir taħriġ kemm f’Malta kif ukoll fi Brussel lil Maltin li se jkunu qed jippresiedu aktar minn 1,800 laqgħa.
Sejjaħ il-presidenza Ewropea bħala opportunità biex nixprunaw ‘il quddiem l-aġenda ta’ pajjiżna bħalma hi l-immigrazzjoni. Stieden lill-Oppożizzjoni u lis-soċjetà biex issir ħidma mal-Gvern biex il-presidenza tissarraf f’suċċess għal qafas leġiżlattiv aħjar favur aktar drittijiet għall-popli fl-istati membri tal-UE.
//= $special ?>