Lokali

Ir-ristoranti tal-Baħrija qed ikollhom jagħlqu matul il-ġimgħa

Matul il-ġimgħa, il-komunità kummerċjali tal-Baħrija qed tilħaq l-inqas livelli ta’ kummerċ għal snin twal. Sidien ta’ ristoranti li qabel kienu jorganizzaw attivitajiet kontinwi matul il-ġurnata spjegawlna kif issa qed jiftħu biss fi tmiem il-ġimgħa.

Dan is-sit hu infurmat li fl-aħħar ġimgħat gruppi ta’ persuni, b’mod speċjali anzjani li kienu jattendu għall-coffee mornings jew tombla li kienu jiġu organizzati b’mod regolari f’ristoranti tal-Baħrija, ħassru l-attivitajiet, anki dawk li kienu ilhom ippjanati.

Dan għaliex ir-rotot alternattivi mhumiex tajbin għall-kowċis privati li kienu jinkrew, b’dawk affettwati kien se jkollhom jikru minibuses bi spiża ferm ogħla.

Fil-fatt in-nuqqas ta’ ħsieb mill-Gvern qabel beda dan il-proġett, li  x-xogħol fuqu ilu jitwal, wassal biex ir-residenti tal-Baħrija u dawk li jiffrekwentaw l-inħawi qed ikollhom jidħlu min-naħa ta’ Ħad-Dingli, fejn iridu jgħaddu minn toroq kollha mħarbta u dojoq fil-kampanja.

L-alternattiva hi dawra oħra, din id-darba min-naħa tal-Imġarr, fejn iridu jgħaddu minn triq one way. Madankollu din it-triq tista’ tintuża wkoll minn residenti ġejjin min-naħa tal-Baħrija, bir-riskju li dawk li jużawha jsibu karozza ma’ wiċċhom.

Illum, xhur wara li beda l-proġett li s’issa ħoloq biss inkonvenjent għar-residenti, xi ħadd ġietu l-idea li jibda jagħti ftit patches ta’ tarmak biex jgħatti l-ħofor kontinwi matul it-triq.

Madankollu, ftit sigħat biss wara li saru, stajna ninnutaw li t-tarmak kien diġà beda jinqala’.  Fuq il-post bilkemm rajna ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett, u minkejja l-wegħdiet li x-xogħol se jibqa’ għaddej sa tard billejl, dan mhux iseħħ lanqas.

Residenti li kellmuna qalulna li huma rrabjati għax jafu li għal dan il-proġett il-Gvern kiseb għajnuna finanzjarja qawwija minn fondi Ewropej u madankollu r-riżultat tagħhom ma tantx qiegħed jirrifletti fix-xogħol li qed isir