Kien lejl ta’ ġlied u tensjoni fil-kapitali Griega Ateni hekk kif il-Parlament għal darb’oħra għadda sensiela ta’ miżuri ta’ awsterità, miżuri li huma meħtieġa biex il-pajjiż jingħata pagament ieħor mill-bailout.
Il-Prim Ministru Alexis Tsipras qal li dawn ir-riformi fil-qasam tal-pensjonijiet u t-taxxa kienu meħtieġa u insista li ma se jaffettwaw il-maġġoranza tal-pensjonanti u li kellhom isiru biex fl-aħħar ikun hemm sistema sostenibbli.
Qabel il-vot wara jumejn ta’ dibattitu, dimostranti quddiem il-Parlament waddbu bombi tal-petrol lejn il-Pulizija li min-naħa tagħhom wieġbu bl-isparar ta’ gass tad-dmugħ.
Dan hekk kif it-trade unions qalu li l-pajjiż ma kienx jiflaħ għal aktar miżuri ta’ awsterità imma Tsipras wieġeb li kienu se jkunu biss 7.5 fil-mija tal-pensjonanti Griegi li kienu se jaraw fil-pensjoni tagħhom.
Aktar tard it-Tnejn, se ssir laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro biex jiddiskutu l-possibbiltà li jittaffew xi ftit il-pagament tad-dejn tal-Greċja wara d-deċiżjoni fil-Parlament Grieg. Dan hekk kif f’Lulju l-Greċja trid trodd lura 3.6 biljun ewro u hemm possibbiltà li ma jirnexxielix.
Jgħaddu aktar miżuri ta’ awsterità fil-Greċja
