Il-Gvern mhux biss qiegħed jaħbi u ma jagħtix informazzjoni fuq l-operat tal-Gozo Channel b’rabta ma’ inkjesti interni, konsum ta’ fjuwil u l-lista tal-persuni bil-free pass, iżda lanqas fuq proġetti oħrajn ta’ importanza bħalma hu s-sit li l-Gvern kera mill-Kurja biex tinbena dar għall-azjani li kellha titlesta f’sena u nofs u sal-lum għadha ħofra.
Fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo baqa’ b’fommu sieket u jaħbi l-informazzjoni b’rabta mal-ftehim li l-Gvern għamel mal-Kurja dwar l-użu ta’ dak li qabel kien l-Istitut ta’ San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem, f’Għawdex, biex tinbena dar għall-anzjani.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, staqsa lill-Ministru jgħid kemm hi l-kirja li qed iħallas il-Ministeru tiegħu għal dik li kienet id-Dar ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem, u jgħid ukoll għal kemm snin hija l-kirja, minn meta bdiet titħallas il-kera, u kemm tħallset kera sal-lum.
Il-Ministru Refalo wieġeb f’sentenza waħda li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura sensittiva.
Quddiem dan il-ħabi u r-reżistenza tal-Minsitru Refalo li jagħti l-informazzjoni, ikompli jikber it-tħassib dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Gvern irid jibqa’ fommu sieket.
F’Diċembru li għadda, il-Ministru Refalo kien irrifjuta li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja t’Għawdex dwar l-użu ta’ dak li qabel kien l-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem, f’Għawdex.
Kważi ħames xhur ilu, il-Ministru Refalo kien qal biss li t-tender għall-kostruzzjoni ħarġet. Dakinhar, il-Ministru Refalo ma weġibx lanqas dwar meta ġie ffirmat dan il-ftehim, u għal kemm snin sar.
Jirriżulta li din l-art ilha mikrija tliet snin, u li din hi mikrija għal 25 sena mingħand il-Kurja.
Fil-baġit għal din is-sena, il-Gvern ivvota biss €60,000 għal din id-dar li skont hu ser tiġi tiswa €4 miljun.
//= $special ?>