Mara ta’ 42 sena u raġel ta’ 33 sena, it-tnejn bi problemi tad-droga, ingħataw sentenza ta’ sena ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li kisru kundizzjonijiet tal-probation u konsegwentement kienu kkundannati wkoll għal reati preċedenti li dwarhom kienu nstabu ħatja u kienu ngħataw is-sentenza fil-komunita’.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, l-Ispettur Silvio Magro xehed li kien hemm diversi tentattivi mill-Pulizija biex l-akkużata Sonia Bajada ta’ 42 sena residenti l-Imsida, titla’ għal seduti quddiem il-Qorti iżda kienu dejjem isibu lil ommha jew persuni oħra li kienu jgħidulha li ma kienitx id-dar. F’ċirkostanza minnhom, hi qalet li kienet marret fl-Isptar Monte Carmeli iżda meta ċċekkjaw mal-Isptar, irriżulta li dan ma kienx veru. Dakinhar, kompla l-Ispettur, hu poġġa lil Bajada fil-lista tal-persuni mfittxija. Eventwalment hu baqa’ josserva r-residenza tagħha sakemm fl-aħħar sabha. Hi qaltlu li kienet sejra l-isptar Monte Carmeli u ppreżentatli admission form li kienet datata fil-ġimgħa ta’ qabel.
Xehdet ukoll il-Probation officer Deborah Farrugia fejn qalgħet li kien hemm diversi tentattivi biex tikkuntattja lil Bajada iżda ma rnexxielhiex. L-unika darba li qabditha hi ppruvat tikkonfrontaha għaliex mhux qed tattendi l-appuntamenti magħha iżda fil-pront qatgħetilha it-telefon. Fit-2 ta’ Mejju li għadda hi kienet ittestjata u nstabet pożittiva għad-drogi eroina u kokaina.
L-Ispettur Silvio Magro mexxa il-Prosekuzzjoni. Bajada ma kienitx assistita minn Avukat.
F’każ separat, ukoll quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Matthew Abela ta’ 33 sena mill-Ġżira ukoll instab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-probation. Il-Probation Officer Sharlet Tabone Fabri qalet li minn 8 appuntamenti li kellu, l-akkużat attenda biss għal tlieta. Għall-appuntamenti l-oħrajn hu ta diversi skużi fosthom fejn kellu interview għal xogħol u f’diversi okkażjonijiet kien qal li ma jiflaħx. Tabone Fabri qalet li Abela ippreżenta ċertifikat mediku wieħed. Hi qalet li f’dawn ix-xahrejn sarlu biss test wieħed tad-droga u nstab pożittiv għad-droga kokaina.
Waqt il-kontroeżami mill-Avukat Joseph Mizzi, il-probation officer qalet li hemm possibilta’ li jkun hemm false positives f’testijiet tad-droga, speċjalment jekk minn qed jagħmel it-test ikun qed jieħu xi mediċini. Iżda sostniet li ftit hemm affarijiet li jistgħu ikunu konfużi ma’ kokaina u barraminhekk, il-kampjun intbagħat fil-laboratorju tal-Isptar Mater Dei li kkonferma r-riżultati tat-test oriġinali. Hi ċaħdet li xi darba qalet lill-akkużat li m’għandux għalfejn jagħmel ċertifikat mediku biex jiġġustifika l-assenza tiegħu. Mistoqsija mill-Maġistrat Aaron Bugeja, Sharlet Tabone Fabri qalet li l-akkużat kellu kuntatt sporadiku mal-Caritas iżda kien qed imur regolari għall-methadone bħala parti mill-kura tiegħu.
L-Ispettur Jonathan Ransley mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joseph Mizzi deher għall-akkużat.
Fil-għoti tas-sentenza fiż-żewġ każi, il-Qorti innotat li ma kienx hemm impenn min-naħa tal-akkużati biex jiġġieldu l-vizzju tad-droga u jieħdu l-opportunita’ li tathom Qorti preċedenti biex jirriformaw ruħhom. Għaldaqstant huma kienu kundannati sena ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja mhux biss tal-ksur tal-ordnijiet tal-probation iżda wkoll ta’ reati preċedenti li dwarhom kienu ingħataw sentenza fil-komunita’. Sonia Bajada kienet instabet ħatja ta’ serq minn ħanut fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta u Matthew Abela instab ħati ta’ attentat ta’ serq ta’ karozza tat-tip Mitsubishi Lancer.
Il-Qorti rrakkomandat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs sabiex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex kemm Bajada kif ukoll Abela isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga waqt li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin
//= $special ?>