L-Oppożizzjoni talbet lill-President tal-Kamra Anġlu Farrugia li jieħu azzjoni biex jitneħħa l-Maġġur tal-Pulizija, Eugenio Caruana, mix-xogħol li ġie assenjat jagħmel fil-bini tal-Parlament u dan minħabba kummenti fuq Facebook kontra membri tal-Oppożizzjoni.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjoanlista, David Agius, irrimarka mal-President tal-Kamra fil-bidu tas-seduta tal-lejla, li ġie għall-attenzjoni tal-Oppożizzjoni li l-Maġġur Eugenio Caruana ġie assenjat xogħol fil-bini tal-Parlament.
David Agius ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker għal kitba li għamel dan il-membru tal-Korp tal-Pulizija fuq Facebook kontra membri tal-Oppożizzjoni u kontra x-Shadow Minister Claudette Buttigieg.
David Agius saħaq li dan mhux aġir ta’ persuna fdata li tħares is-sigurtà tal-membri parlamentari. Appella lill-Ispeaker biex dan il-membru fil-Korp tal-Pulizija jkun irtirat mix-xogħol tiegħu fil-Parlament.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb li se jkun qiegħed jinvestiga l-każ imqajjem.
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono esprimiet l-apprezzament għas-solidarjetà li rċeviet wara l-attakk li sar fuq il-familja tagħha
Dan il-każ tressaq mill-Whip tal-Oppożizzjoni wara li d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono esprimiet l-apprezzament tagħha għas-solidarjetà li rċeviet wara l-attakk li sar fuq il-familja tagħha fi tmiem il-ġimgħa meta kienu vandalizzati l-karozzi tal-familja tagħha, kemm il-karozza tagħha kif ukoll ta’ żewġha.
Kristy Debono rringrazzjat lill-President tal-Kamra għall-istqarrija ta’ kundanna u għas-solidarjetà li wera mal-familja tagħha, kif ukoll għal dawk kollha li wasslu messaġġi ta’ solidarjetà, fosthom il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, membri miż-żewġ naħat tal-Kamra u l-media fost l-oħrajn.
Esprimiet ukoll apprezzament għax-xogħol li wettqu l-Pulizija, u t-tim foresiku li ħadmu fuq l-att vandalu li seħħ fuq iż-żewġ karozzi tal-familija tagħha f’Tas-Sliema fil-lejl ta’ nhar is-Sibt u l-Ħadd. Il-karozza ta’ Kristy Debono, kif ukoll tar-raġel tagħha Jean Pierre Debono li hu l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kienu vandalizzati bi grif u daqqiet fuq is-saqaf. Infaqa’ wkoll windscreen ta’ wara ta’ waħda mill-karozzi.
Il-Ministru Michael Farrugia epsrima wkoll l-apprezzament tiegħu għas-solidarjetà li rċieva wara l-att vandalu fid-dar residenzjali tiegħu u saħaq li dawn l-affarijiet huma inaċċettabbli. Appella għar-rispett bejn il-membri parlamentari u li d-dibattitu dejjem għandu jibqa’ fuq livell politiku.
Il-President tal-Kamra Anġlu Farrugia rrimarka li atti kodardi bħal dawn għandhom isaħħu lill-politiku biex ikompli jaħdem aktar fil-kamp politiku. Appella wkoll lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dawn l-atti vandali kontra membri parlamentari jersaq għand l-awtoritajiet tal-pajjiż.
//= $special ?>