Internazzjonali

Ma jridux aktar karrozzi ta’ turisti f’Ibiza

Il-kapijiet tat-turiżmu tal-Gżejjer Baleariċi – Mallorca, Menorca, Ibiza u Formentera – qed jikkunsidraw li jipprojbixxu l-karozzi ta’ barranin matul ix-xhur tas-sajf. Pass simili diġà ttieħed mill-gżira Taljana ta’ Capri.

Dan hekk kif qed ibassru li dan is-sajf se jmorru ħafna turisti. Dawn il-gżejjer b’kollox għandhom popolazzjoni ta’ 1.1 miljun persuna u din is-sena qed jikkalkolaw li se jżuruhom mat-13-il miljun persuna.

Uffiċjali f’Ibiza u Formentera qalu li aktarx se jipprojbixxu t-turisti milli jiżbarkaw fuq il-gżejjer bil-karozza personali. Dan biex ikun evitat il-kaos fit-toroq.

Uffiċjali f’Formentera, li hi twila 19-il kilometru, qalu li fl-eqqel tal-istagun tas-sajf ikun hemm 20,000 karrozza.

Apparti l-problema tat-traffiku, uffiċjali f’dawn il-gżejjer, li jiddependu mit-turiżmu, qalu li tant qed imorru turisti jżuruhom li jekk l-affarijiet ikomplu b’din ir-rata, mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mat-talba għall-eletttriku jew ilma.

Barra minn hekk, hemm tħassib ukoll għall-ammont kbir ta’ cruise ships li qed jittrakkaw fil-portijiet tagħhom. F’Palma, il-kapitali ta’ Mallorca (ritratt), f’ġurnata waħda l-ġimgħa li għaddiet żbarkaw 22,000 persuna minn cruise ships u din is-sena mistennija jittrakkaw aktar minn 500 fil-port ta’ Palma b’total ta’ 1.5 miljun persuna abbord.

Biel Barceló, il-Viċi President tal-Ministeru tat-Turiżmu tal-Gżejjer Baleariċi, qal ukoll li aktar turisti ma kienx ifisser aktar ġid ekonomiku. Hu qal li fis-snin tmenin dawn il-gżejjer kienu żaru sitt miljun turista u kien ir-reġjun Spanjol fejn in-nies kellhom l-aktar dħul. Illum qal, qed iżuru dawn il-gżejjer 13-il miljun persuna u d-dħul tan-nies niżel għas-‘ post. Dan meta disa’ minn kull għaxar ewro li jidħlu fl-ekonomija ġejjin mit-turiżmu.