Michel Platini se jirriżenja minn President tal-UEFA wara li l-Qorti tal-Arbitraġġ tal-isport naqqset is-sospensjoni tiegħu minn sitt snin għal erba’ snin. Platini sejjaħ din is-sentenza bħala verdett inġust.
B’din is-sentenza Platini li kien inħatar President tal-UEFA fis-sena 2007, ma baqgħalux triq oħra għajr li jirriżenja, fejn effetivament din is-sentenza tikkonferma l-ħtija tiegħu. Fi stqarrija Platini qal li din is-sospensjoni taqtgħu ukoll mit-tellieqa għall-elezzjoni li jmiss ta’ President tal-FIFA.
Platini qal li bit-tluq tiegħu mill-UEFA se jkun jista’ jiddefendi l-appell tiegħu fil-qrati Żvizzeri. Il-qorti suprema Żvizzera tista’ teqleb verdett jekk issib li l-proċess legali ma kienx korrett.
Il-qorti stabbilit li Platini hu ħati ta’ konflitt ta’ interess meta rċieva s-somma ta’ żewġ miljun Frank Żvizzeru mingħand il-FIFA bl-approvazzjoni ta’ Sepp Blatter. Fil-verdett tagħha llum il-qorti tal-arbitraġġ qalet li mhix konvinta bil-leġitimita’ tal-ħlas li kien rikonuxxut biss minn Platini u minn Blatter.
Platini rċieva din is-somma tmien snin wara li hu għamel dan l-allegat xogħol lill-FIFA, xogħol li qatt ma kien dokumentat u ma kien hemm ebda kuntratt li juri li kellu jsir xi ħlas għal dan ix-xogħol.
Fil-verdett tagħha l-qorti qieset ukoll l-atteġġament negattiv ta’ Platini li qatt ma nidem mill-aġir tiegħu. Fil-verdett tagħha l-qorti ċanfret ukoll lill-FIFA li damet erba’ snin taħbi dan il-pagament qabel għaddiet il-każ lill-bord tal-etika.
Sepp Blatter intant ukoll qed jistenna li l-każ tiegħu jinstema’ quddiem l-istess qorti tal-arbitraġġ tal-isport.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha l-UEFA ma kkummentatx fuq il-verdett maħruġ fil-konfront ta’ Platini, iżda qalet biss li mhux se taħtar aġent President sakemm jinstab is-suċċessur ta’ Platini. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA se jiltaqa’ f’Basel l-iżvizzera l-ġimgħa d-dieħla, fil-jiem li fl-istess belt se ssir il-final tal-Europa League bejn Sevilla u Liverpool.
F’dawn il-laqgħat mistenni li jkun imfassal il-pjan biex issir l-elezzjoni għas-suċċessur ta’ Platini, elezzjoni li mistennija li ssir f’nofs Settembru, probabilment fil-kapitali Griega Ateni.
//= $special ?>