Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech wieġeb għall-kampanja li qed jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat b’attakki kontra esponenti tal-Partit Nazzjonalista biex jiddevja l-attenzjoni mill-iskandlu tal-kumpanijiet sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Għaldaqstant, Tonio Fenech bagħat din l-istqarrija lill-mezzi tax-xandir:
Qiegħed nagħmel din id-dikjarazzjoni bi tweġiba għar-rapport tal-Maltatoday ilbieraħ il-Ħadd 8 ta’ Mejju 2016, għad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista fil-Qrendi, għall-istqarrija tal-Partit Laburista, kif ukoll għar-rapport li deher fuq il-media Laburista.
1. Bħala Membru Parlamentari li mhux parti mill-Eżekuttiv, jiena għandi d-dritt li naħdem fil-professjoni tiegħi kif jagħmel kull Membru Parlamentari ieħor. Il-professjoni tiegħi hija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Is-servizz professjonali li noffri lil numru ta’ kumpaniji hu li nkun membru indipendenti fuq il-Bord tal-Kumpanija. Dan huwa servizz li hu offrut minn pajjiżna bħala ċentru tas-servizzi finanzjarji.
2. Hija gidba li fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħi, għamilt xi lista ta’ kumpaniji li ma għetx x’inhuma. Id-dikjarazzjoni li għamilt kienet skont il-kriterji tal-Parlament bid-dettalji kollha meħtieġa kif mitlub mill-Kodiċi tal-Etika tal-Membri Parlamentari. L-informazzjoni dwar l-attività professjonali tiegħi ħriġtha jien fid-dikjarazzjoni tiegħu għaliex jien m’għandix x’naħbi.
3. Il-kumpaniji msemmija huma kumpaniji reġistrati f’Malta, u jien sirt Direttur tagħhom wara li spiċċajt minn Ministru tal-Gvern f’Marzu 2013. Dan kuntrarju għall-iskandlu ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi li fetħu kumpaniji personali fil-Panama ftit wara li ħadu l-poter, bil-kumpaniji jibdew jinfetħu ħamest ijiem biss wara l-elezzjoni ġenerali.
4. L-ebda mill-kumpaniji msemmija ma hi tiegħi, iżda jien nagħti biss is-servizz professjonali tiegħi bħala Direttur indipendenti u mhux f’kariga eżekuttiva.
5. Hija gidba dik li qal Joseph Muscat, li “llum qed niskopru wkoll li Fenech huwa Segretarju ta’ kumpanija li xogħlha tiftaħ it-trusts f’pajjiżi oħra.” Il-kumpanija msemmija li jiena nagħti servizz ta’ Company Secretary fiha, hija rreġistrata f’Malta u ma tiftaħx trusts f’pajjiżi oħra. Iżda anke kieku kien minnu, dan huwa servizz li toffri Malta bħala ċentru ta’ servizzi finanzjarji u jekk l-istess Prim Ministru ta’ pajjiżna jqisu bħala xi ħaġa ħażina, allura għandna Gvern li jrid jarmi settur li fuqu tiddependi l-ekonomija Maltija u eluf ta’ impjiegi. Muscat għandu jkun ċar dwar xi jrid.
6. L-involviment tiegħi fil-kumpaniji msemmija kien iddikjarat minni fl-ewwel mumenti li stajt nagħmel dan fil-Parlament, wara li ġejt appuntat bħala Direttur, kif jixhdu d-dikjarazzjonijiet Parlamentari tiegħi għall-2013, l-2014 u l-2015. Ma nistax nifhem kif dak iddikjarat fis-snin li għaddew, sar xi ħaġa ħażina llum.
7. L-ebda kumpanija li jien involut fiha ma tagħti xi servizz lill-Gvern Malti, jew b’xi mod tista’ toħloq kunflitt ta’ interess mal-ħidma Parlamentari tiegħi.
8. L-ebda mill-kumpaniji msemmija ma topera minn xi ġuriżdizzjoni li għal fini tal-FIAU, hi meqjusa bħala ‘non cooperative jurisdiction’.
9. Fil-każ ta’ dawk il-kumpaniji li s-sid tagħhom tkun entità f’pajjiż ieħor, jien imxejt skont ir-regoli tal-FIAU, u għamilt il-verifiki mitluba dwar min hu l-Ultimate Beneficial Owner, u nista’ niddikjara li l-persuni konċernati huma persuni serji, mhumiex politiċi jew persuni nvoluti f’ħasil ta’ flus jew finanzjar illeċitu.
10. Qabel ma aċċettajt l-istedina li nkun Direttur, assigurajt lili nnifsi li l-attività li kienet se twettaq il-kumpanija kienet waħda lleċita u bona fide, u dan bqajt nagħmlu tul il-perjodu kollu li għalih kont appuntat fil-kariga.
11. Kull fejn kien mitlub minni, jiena ddikjarajt mal-awtoritajiet konċernati u l-istituzzjonijiet finanzjarji f’Malta u anke barra minn Malta, li jiena politically exposed person, biex anke huma jgħarfu dan meta ssir riċerka fuqi.
12. Jien ma nagħti ebda servizzi lil kumpaniji offshore. Il-kumpaniji kollha li jien involut fihom huma kollha kumpaniji reġistrati Malta u mal-istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati mill-MFSA.
13. Il-kumpaniji kollha li jiena nvolut fihom iħallsu t-taxxi dovuti f’pajjiżna, u qegħdin f’pajjiżna għal raġunijiet fosthom ir-regolamentazzjoni ta’ pajjiżna, l-aċċess għas-suq Ewropew, il-kwalità tal-ħaddiema tagħna, l-użu tal-lingwa Ingliża, s-servizzi li noffru bħala pajjiż, u l-kwalità tal-ħajja f’Malta fost l-oħrajn.
14. Malta hi ċentru ta’ servizzi finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, fuq il-white list tal-OECD, u b’sistema ta’ taxxa li hija aċċettata mill-Unjoni Ewropea. Dak li qed nagħmel jien hu dak li qed jagħmlu ħafna professjonisti f’dan is-settur, liema settur jinsab taħt theddida minħabba d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru. Dak kollu dikjarat mhux biss hu legali u korrett, iżda anke etiku skont l-istess Kodiċi tal-Etika tal-Membri Parlamentari.
15. Il-kumpaniji li nvolut fihom jien iħaddmu mijiet ta’ ħaddiema Maltin, li waħda minnhom ġiet inawgurata mill-Prim Ministru fix-xhur li għaddew.
16. Hija wkoll gidba l-allegazzjoni tal-Prim Ministru li jien, ftit wara li spiċċajt minn Ministru tal-Finanzi, ftaħt kumpanija ma’ persuna oħra li kienet is-CEO tal-BOV, u li qiegħed f’kumpanija ma’ persuna oħra li kienet responsabbli għall-ftuħ ta’ trusts fil-Bank of Valletta.
L-uniku konklużjoni li wieħed jista’ jasal għaliha meta jisma’ l-attakk insensat fuqi mill-Prim Ministru lbieraħ hu li l-Prim Ministru tant jinsab dahru mal-ħajt bl-iskandlu tal-Panama li lest jarmi s-settur tas-servizzi finanzjarji, basta joħroġ mir-rokna li jinsab fiha.
L-appell tiegħi lill-Prim Ministru hu li ma jkomplix jagħmel ħsara lill-pajjiż billi juża l-attività leġittima tiegħi biex jiddefendi l-aġir ta’ ħaddieħor.
//= $special ?>

