Lokali Qorti

Rikors Kostituzzjonali biex titħassar sentenza u jinħeles mill-ħabs

Raġel li jinsab il-ħabs fejn l-unika prova inkriminanti kienet stqarrija li għamel lill-pulizija mingħajr assistenza legali ressaq rikors kostituzzjonali li fiha talab lill-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara ksur tad-Drittijiet Fondamentali tiegħu u tordni l-ħelsien immedjat tiegħu.

Rikors ieħor kien tressaq nhar il-Ġimgħa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn dakinhar, il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba mressqa b’urġenza għaliex il-Qorti tal-Maġistrati m’għandhiex il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq dan ir-rikors.

Bonnici qed jiskonta sentenza ta’ sena u nofs ħabs fuq akkużi relatati mad-droga u qed jitlob il-ħelsien immedjat għaliex is-sentenza tiegħu hi bbażata unikament fuq stqarrija li ta lill-pulizija wara interrogazzjoni ta’ iktar minn 20 siegħa mingħajr assistenza legali. Għalkemm illum hu illegali, fl-2004, meta seħħ l-arrest ta’ Bonnici, ma kienx illegali li suspettat ma jkollux assistenza ta’ avukat.

Fir-rikors, iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Evelyn Borg Costanzi, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) qed tintalab tiddikjara li l-istqarrija meħuda minn Trevor Bonnici kienet użata kontrih b’mod li jikser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u għaldaqstant tannulla s-sentenza li f’Diċembru li għadda, kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali.

L-Avukati ta’ Bonnici qed jikkontendu wkoll li ladarba s-sentenza tiegħu hi nulla, hu qed jinżamm fil-ħabs illegalment u għaldaqstant għandu jinħeles minnufih u jew jingħata liberta’ proviżorja sakemm ikun deċiż il-każ. Trevor Bonnici qed jitlob ukoll likwidazzjoni tad-danni li qed isofri.