Raġel ta’ 29 sena minn Raħal ġdid ingħata sentenza ta’ sena u xahrejn ħabs sospiża għal tliet snin u mmultat €1,500. Hu tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ probation wara li nstab ħati ta’ importazzjoni u kultivazzjoni ta’ pjanti tal-cannabis fir-residenza tiegħu kif ukoll pussess ta’ eroina u kokaina.
Il-każ imur lura għall-2012 meta d-Dipartiment tad-Dwana kien skopra għaxart’iqratas ta’ żerriegħa ta’ cannabis f’kaxxa ta’ DVD indirizzata lill-akkużat Keith Falzon. Il-Pulizija riedet taqbdu fil-fatt u għalhekk organizzat konsenja kontrollata xi jiem wara dan l-ewwel każ fejn uffiċjal tal-pulizija għamilha ta’ pustier.
Wara li Falzon kien arrestat, il-Pulizija wettqet raid fir-residenza tiegħu u sabet 21 qartas tal-ħaxixa cannabis, traċċi ta’ kokaina, eroina u oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet li l-akkużat ammetta mal-pulizija li kien xtara xi żerriegħa tal-kannabis minn fuq l-internet u kien se jipprova jkabbarha hu stess biex jiffranka l-flus.
Fix-xhieda tiegħu Falzon qal li ilu bil-vizzju tad-droga cannabis sa minn meta kellu 16-il sena. L-Akkużat qal li kien ikabbar il-pjanti fi gwardarobba, inixxef il-weraq u jerfagħhom fi qratas għall-konsum tiegħu personali. Hu qal li kull pjanta kienet trendi mat-30 doża.
Filwaqt li sabitu ħati ta’ importazzjoni tad-droga, il-Qorti hi tal-fethma li l-kwantitajiet li kellu fil-pussess tiegħu kienu għall-użu personalli tiegħu u għaldaqstant sabitu ħati ta’ pussess sempliċi u mhux ta’ pussess aggravat. Dwar is-sentenza il-Qorti nnutat li l-akkużat diġa’ kien ingħata sentenza sospiża oħra u ngħata ordni ta’ probation fuq serq aggravat, iżda nnutat ukoll li l-akkużat ikkollabora mal-pulizija u minn jeddu qed jiġġieled il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.
//= $special ?>