Mara ammettiet quddiem il-Qorti li xehdet falz fuq ordni tal-eks sieħeb tagħha li jinsab akkużat li tajjar mara bix-xarabank f’San Pawl il-Baħar, fl-2008.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Marie Louise Pearson stqarret li “ftit tal-ħin qabel dħalt fl-awla biex nixhed, hu avviċinani u qalli biex nagħmilha ta’ passiġġiera u li rajt l-inċident minkejja li ma kontx preżenti. Jiena obdejt l-istruzzjonijiet tiegħu għaliex kont qed nibża’ li nitlef il-kustodja tat-tfal”.
Massimo Bonello, ta’ 42 sena, jinsab akkużat b’kompliċita’ f’xhieda falza u li kkorrompa xhud – l-eks sieħba tiegħu fi proċeduri separati quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli. Fl-2013, Massimo Bonello kien liberat mill-akkuża li tajjar lil Inna Said li sofriet ġrieħi f’rasha u li spiċċat fl-Isptar għal 17-il ġurnata. Madanakollu, il-każ reġa nfetaħ wara li Pearson ingħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li tat xhieda falza.
L-Ispettur Kylie Borg, li qed tmexxi l-prosekuzzjoni, qalet li s-suspett ta’ xhieda falza tqajjem wara li r-raġel tal-vittma għamel kwerela kontra Pearson meta kienet xehdet fil-każ in kwistjoni. Sussegwentement, Pearson ammettiet li ffabrikat l-istorja fejn kienet stqarret li x-xufier kien qed isuq b’veloċita’ ta’ 30km fis-siegħa u li ħalliet ix-xena tar-reat eżatt wara l-ħabta.
Illum Pearson biddlet il-verzjoni tagħha. Dakinhar, hi ddeskriviet lil Bonello bħala ħabib iżda llum qalet li kellha relazzjoni miegħu u li għandha wild minnu fl-2006. Ir-relazzjoni sfaxxat fl-2008 u qalet li kienet gidbet fil-Qorti għaliex kienet fi stat ta’ paniku. Meta kienet mistoqsija għaliex wettqet dan ir-reat, hi qalet li kull meta kien ikollha argument ma’ Bonello, hu kien jheddidha li jagħmel rapport u jieħu l-kustodja ta’ ulieda. Hi qalet li ma kienetx taf għaliex kien ħarrikha biex tixhed fl-2013 sakemm iltaqet miegħu barra l-awla u ppreżenta bl-istorja fittizzja li rrepetiet ftit wara quddiem il-Qorti.
L-Avukat John Bonello deher għal Pearson.
//= $special ?>
