Lokali

Tnejn fost 14 arrestati għall-Qorti fis-sigħat li ġejjin wara sejbiet ta’ droga

Fis-sigħat li ġejjin il-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti żewġ żgħażagħ minn 14-il persuna li kienu arrestati fil-jiem li għaddew wara sejbiet ta’ droga eroina, kokaina, ecstasy u kannabis.

Il-persuni, li għandhom bejn it-18 u l-40 sena, kienu arrestati wara ħidma mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mir-Rapid Intervention Unit f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom St Andrew’s, Paceville, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Għajnsielem, ix-Xewkija u Ta’ Sannat.

Wieħed miż-żgħażagħ li mistennija jitressqu l-Qorti nstab li kellu fil-pussess tiegħu madwar 800 pillola ecstasy, filwaqt li ż-żagħżugħ l-ieħor irreżista l-arrest.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet, fosthom biex testabilixxi aktar relazzjonijiet li l-persuni arrestati seta’ kellhom.